Mo Farah se jikkompeti fil-Kampjonati tad-Dinja tan-Nofs Maratona f’Cardiff hekk kif qed jipprepara biex jiddefendi t-titlu Olimpiku f’Rio dan is-sajf.
L-atleta ta’ 32 sena, li rebaħ il-midalja tad-deheb fil-5,000m u l-10,000m fl-Olimpjadi ta’ Londra tal-2012, għamel lilu nnifsu lest biex jipparteċipa għat-tim Brittaniku għat-tiġrija tas-26 ta’ Marzu.
“Se jkun ċans tajjeb għalija li nipprova nerbaħ titlu dinji ieħor,” qal Farah. L-organizzaturi qalu li d-dehra ta’ Farah se tkun aħbar tajba għal dan l-avveniment, li jittama li jattira 25,000 atleta.
It-tim Brittaniku se jħabbar it-tim fis-7 ta’ Marzu, b’Farah jittama li jtellaq fil-kampjonati, għall-ewwel darba fil-karriera brillanti. “Naf li l-istandard hu inkredibilment għoli b’atleti li jittrenjaw speċifikament għal dan l-avveniment, u għalhekk se tkun tiġrija diffiċli. Jien dejjem ikolli sapport kbir meta ntellaq ġewwa l-Gran Brittanja u nittama li din tgħini tul it-triq.”
Farah beda s-sena Olimpika meta kkompeta fil-Cross Country ta’ Edinburgh u kien megħlub mill-Amerikan Garrett Heath fuq distanza ta’ tmien kilometri. L-organizzaturi tan-nofs maratona xtaqu li Farah jikkompeti u hu jemmen li Cardiff se jgħin l-ambizzjoni tiegħu li jsir l-ewwel persuna miż-żmien tal-1976 meta l-Fillandiż Lasse Viren u jerbaħ it-titli Olimpiċi tal-5,000m u l-10,000m.
“L-għan primarju tiegħi hi l-Olimpjadi tal-2016 f’Rio f’Awwissu iżda din it-tiġrija sservi ta’ ġid biex nibni l-istamina tiegħi qabel ma nirritorna lura għat-track dan is-sajf. Smajt li d-dawra ta’ Cardiff hi veloċi u jista’ jkun hemm bżnn rekord personali biex nirbaħ iżda lest għall-isfida,” kompla Farah.
In-nofs maratona tal-IAAF se terġa’ ssir fil-Gran Brittanja għall-ewwel darba mill-2009 u għall-ewwel darba f’Wales. L-avveniment se jkun miftuħ għall-atleti amateur kif ukoll dawk tal-ewwel klassi fuq distanza ta’ 21km.
//= $special ?>