Internazzjonali

Possibbiltà li l-prezz ta’ barmil żejt jinżel taħt it-$18

Il-prezz globali taż-żejt mistenni jorħos minkejja d-daqqa kbira ’l isfel irreġistrata f’dawn l-aħħar xhur u meta l-pressjoni fis-swieq baqgħet l-istess minħabba l-ħażniet żejda tar-riżors u s-surplus globali ta’ żejt mhux irraffinat li qabeż kull domanda.

Wara li l-prezz taż-żejt Amerikan niżel għal taħt is-$27 il-barmil għall-ewwel darba mill-2003, issa hemm ukoll l-inkwiet li l-ekonomija taċ-Ċina, li hi t-tieni l-akbar konsumatur taż-żejt fid-dinja, tista’ terġa’ tonqos aktar.

Dan fost ir-riperkussjonijiet inevitabbli għas-swieq u l-bejgħ tal-fjuwil li l-prezz tiegħu qed jonqos b’rati kontinwi u konsistenti f’numru ta’ pajjiżi.

L-eks-Ministru tal-Finanzi tar-Russja, Alexei Kudrin, issa, qed jgħid li l-prezz taż-żejt, fuq livell globali, jista’ ma jdumx ma jinżel taħt it-$18-il barmil.

‘Illum jeżistu numru ta’ fatturi li qegħdin jaħdmu biex iniżżlu l-prezz (taż-żejt) u ma nafux sa liema punt (il-prezz) se jibqa’ nieżel,’ sostna Kudrin, li jemmen li ‘għad jonqos sakemm il-prezz taż-żejt jilħaq tassew il-minimu’.

Il-prezz taż-żejt mhux irraffinat, skont il-Brent – li jipprovdi referenza għall-bejjiegħa u x-xerrejja tar-riżors – ftit tas-sigħat ilu irreġistra daqsxejn ta’ spinta temporanja iżda mbagħad kompla ‘bit-triq għan-niżla’ b’kaġun tal-pressjoni dovuti għall-kwantitajiet esaġerati tar-riżors u skont l-aħħar indikazzjonijiet mis-swieq.

Sadanittant, u skont l-aħħar tbassir tal-British Standard Chartered Bank, il-prezz taż-żejt jista’ anki jinżel saħansitra għal $10 il-barmil.

Dan meta l-produtturi madwar id-dinja qed jipproduċu bejn miljun sa żewġ miljun barmil żejt mhux irraffinat aktar, kuljum, milli hemm bżonn, bil-ħażniet enormi, aktar kulma jmur, qegħdin jiżdiedu.