Studenti tal-MCAST ilmentaw dwar nuqqas ta’ riżorsi, spazju ta’ rikreazzjoni, nuqqas kbir ta’ manutenzjoni fil-bini u problemi finanzjarji biex ilaħħqu ma’ korsijiet.
Dawn huma wħud mid-diffikultajiet li ssemmew quddiem il-President tal-bord tad-Gvernaturi tal-MCAST, Silvio De Bono, u l-Kap Eżekuttiv, Stephen Cachia, minn rappreżentanti ta’ iktar minn 6,500 student li bħalissa qed jattendu xi wieħed mis-sitt istituti tal-MCAST.
Fost l-ilmenti li ssemmew kien hemm dawk ta’ nuqqas ta’ skrivaniji u faċilitajiet bħal track tal-atletika għall-istudenti li qed isegwu kors fl-isport, u nuqqas ta’ manutenzjoni tas-salons li jużaw studenti li jsegwu korsijiet tas-sbuħija tant li semmew li saħansitra waqgħet parti mis-suffitt quddiem klijenti.
Studenti tal-Inġinerija Mekkanika lmentaw ukoll li minħabba nuqqas ta’ apparat ġdid, b’erba’ magni biss għal 16-il student, l-istudenti qed ikollhom jistennew sa erba’ ġimgħat biex jipprattikaw fuqhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCAST laqa’ l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-istudenti waqt li talabhom japprezzaw il-fatt li l-MCAST għandu baġit limitat li minnu jixtri apparat ġdid u jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-faċilitajiet. Fakkar ukoll fl-investiment ta’ bini ġdid u n-numru dejjem jikber ta’ studenti. Fl-istess ħin, talab lill-istudenti biex ikunu huma wkoll responsabbli għall-indafa u li jieħdu ħsieb il-faċilitajiet.
Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi wkoll laqa’ l-ilmenti tal-istudenti u qal li se jimpenja ruħu li jagħti widen għal dak li ntqal waqt li hu wkoll talab lill-istudenti biex jagħmlu l-parti tagħhom.
//= $special ?>

