Wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew ta’ strateġija biex is-Suq Diġitali jiġi regolarizzat, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia sostniet li s-suq wieħed diġitali fl-Ewropa jfisser li anke l-intrapriżi żgħar tal-familja jkunu jistgħu jsaħħu l-kompetittività tagħhom. Ifisser ukoll li l-konsumaturi jkollhom għażla ferm iktar wiesgħa mingħajr limitazzjonijiet ġeografiċi.
Comodini Cachia sostniet li l-istrateġija tirrifletti l-ħajja diġitali ta’ dak li jkun mingħajr ma jkun hemm barrieri.
Bħala membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, Comodini Cachia ilha tikkontribwixxi biex tinħoloq pożizzjoni dwar l-aspetti differenti tal-istrateġija għas-Suq Wieħed Diġitali.
Bħala r-rappreżentanta tal-PPE għad-direttiva tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista appellat biex il-kontenut u s-servizzi ma jkunux marbuta f’post wieħed, biex ikun hemm aċċessibilità aħjar għall-kontenut kulturali ta’ kwalità onlajn, ħlas ġust għal min joħloq, aċċessibilità aħjar għal materjal edukattiv u rikonoxximent għal servizzi li jiffaċilitaw ir-riċerka. Wara l-proposti tagħha, il-PPE ħatarha kelliem tiegħu għall-Copyright u iktar tard inħatret ukoll bħala Ambaxxatur għall-kampanja eSkills for Jobs tal-Kummissjoni Ewropea.
Comodini Cachia qed tinsisti li l-konsumaturi għandu jkollhom il-possibiltà li jużaw servizzi onlajn li jkunu xtraw, fosthom mużika, films, arti, programmi informattivi, software jew programmi tal-informatika, immaterjali fejn ikunu jinsabu fiżikament jekk hux fil-pajjiż fejn xtraw il-kontenut jew le.
Il-kummerċ minn fuq l-internet qed jiġġenera mal-€500 biljun fis-sena fl-UE weħidha. L-istrateġija dwar Suq Wieħed Diġitali mistennija żżid il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku imma jeħtieġ li jkun hemm diġitalizzazzjoni fl-industrija fis-setturi kollha nkluż is-servizzi, is-setturi tal-edukazzjoni u dak pubbliku. Ir-riżoluzzjoni issa mistennija tipprovdi għal 16-il inizjattiva fl-istrateġija u l-Kummissjoni Ewropea mistennija tasal għal deċiżjoni sa tmiem din is-sena.
//= $special ?>