Lokali

10 ġimgħat oħra ta’ serq sfaċċat minn bwiet il-familji Maltin u Għawdxin – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li d-dikjarazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel se jorħsu 10 ġimgħat oħra tfisser li l-familji Maltin u Għawdxin għandhom minn tal-anqas 10 ġimgħat oħra jinsterqu bl-aktar mod sfaċċat kull darba li jmorru jagħtu l-petrol u d-diesel.

Il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta huma fost l-ogħla fl-Ewropa. Il-prezz tad-diesel f’Malta huwa r-4 l-ogħla, waqt li dak tal-petrol huwa t-8 l-ogħla fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Illum, il-prezz taż-żejt niżel għal-livelli ta’ $30-il barmil, li jfisser anqas minn kwart dak li kien ftit tas-snin ilu. Madanakollu, l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin għadhom qed iħallsu l-istess prezzijiet li kienu jħallsu dak iż-żmien.

Il-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel huma eżempju ċar ta’ kemm il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin qed iħallsu għall-korruzzjoni.