Ambjent Lokali

Anke l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala kontra l-iżvilupp tal-Munxar

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, bi qbil unanimu, iddeċieda li l-pjanura magħrufa bħala l-Munxar, li hi żona protetta u ODZ, għandha tibqa’ fl-istat naturali tagħha.

Il-Kunsill Lokali qal dan fi stqarrija hekk kif spjega li l-kunsilliera kollha preżenti għal-laqgħa tal-bieraħ qablu li din iż-żona għandha tkun inkluża mal-Park ta’ Delimara biex tibqa’ titgawda mill-pubbliku.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, 15-il għaqda ngħaqdu mal-Għaqda Bajja San Tumas kontra l-iżvilupp propost għal proġett ta’ agri-turiżmu li però qed jipproni li jkollu wkoll uffiċċji, akkomodazzjoni turistika, mollijiet mal-bajja, pixxina, therapy salon, fitness centre, wine bar, swali għall-attivitajiet, restorant u ċentru ta’ konferenzi.

Il-Kunsill Lokali qal li se jkun qed jgħaddi l-opinjoni tiegħu fuq il-proġett propost, lill-MEPA permezz ta’ email lil eiamalta@mepa.org.mt.