Lokali

Filmat: Il-poplu qatt ma kien jistenna dawn it-tip ta’ skandli minn Gvern Laburista – Marlene Farrugia

Il-poplu żgur li qatt ma kien qed jistenna dawn it-tip ta’ skandli minn Gvern Laburista. Hu inkwetanti x’qed jigri bi flus il-poplu. Dan ħareġ mid-diskussjoni waqt il-programm tal-bieraħ filgħaxija “Mhux għax Jimpurtanti”, li xxandar fuq NET Television.

Fid-diskussjoni mmexxija minn Norman Vella wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Iskandlu Gaffarena u r-riżenja ta’ Michael Falzon, l-eks Deputat Laburista (illum Indipendenti) Marlene Farrugia, li kienet waħda mill-mistiedna, qalet li l-Gvern irid jara x’se jagħmel għax għandu theddida fuq il-kredibbiltà tiegħu u anke theddida minħabba l-korruzzjoni.

Għall-programm, tkellem f’isem il-Partit Laburista il-Perit Robert Musumeci, bil-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-MEPA u l-Artijiet Ryan Callus jistaqsi għaliex ħadd mill-Gvern Laburista ma ntbagħat jiddiskuti dan l-Iskandlu. Spjega kif fl-aħħar mill-aħħar, bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mil-Lands, Michael Falzon kien jaqa’ taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kompla jispjega kif fil-każ tal-isparatura ta’ Manwel Mallia kellha tintrefa’ r-responsabbiltà politika, fil-każ tal-Iskandlu Gaffarena kellha tintrefa’ r-responsabbiltà politika u kellu jirriżenja Michael Falzon, iżda fl-Iskandlu tal-Cafe’ Premier ħadd għadu ma refa’ r-responabbiltà politika.

Ryan Callus fakkar kif kien grazzi għall-ħidma tal-Oppożizzjoni, taħt it-tmexxija tal-Kap Simon Busuttil, li l-Awditur Ġenerali beda jinvestiga l-Iskandlu Gaffarena, li wassal għal riżenja oħra f’dak li kellu jkun l-aqwa Kabinett fl-istorja ta’ pajjiżna.