Lokali

Għall-falliment ta’ Muscat, jiġu umiljati l-Ministri

Jinbidlu l-ministri responsabbli minn Identity Malta

Fi stqarrija l-Gvern ħabbar li l-Aġenzija Identity Malta  b’seħħ immedjat se tkun qed taqa’ taħt ministeru ieħor… Minn idejn il-Ministeru mmexxi mill-Ministru Carmelo Abela, jigifieri l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali issa se tinghadda f’idejn il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, jiġifieri f’idejn Owen Bonnici.

Dan iċ-ċaqlieq jinkludi l-Affarijiet ta’ Ċittadinanza u Nies Barranin u s-Central Visa Unit.  Kif ukoll dak li għandu x’jaqsam ma’  National Identity Management, jiġifieri fost oħrajn ir-​Reġistru Pubbliku, ir-​Reġistru tal-Artijiet, ir-​Reġistrazzjoni Ċivili, il-​Karti tal-Identità u l-passaporti.

B’reazzjoni għal dan il-Partit Nazzjonalista qal li Il-Prim Ministru Joseph Muscat falla fit-tmexxija ta’ Identity Malta li waqqaf hu u li hi mifnija bil-korruzzjoni.

Għalhekk fid-dawl ta’ dan il-falliment, Muscat għażel li jumilja lill-Ministru Carmelo Abela u neħħielu din l-aġenzija minn taħt idejh biex għaddiha lil Ministru ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-problema tal-korruzzjoni f’Identity Malta mhix ta’ Ministru jew ieħor, iżda tat-tmexxija tal-Prim Ministru li għażel nies viċin tiegħu fit-tmexxija tal-aġenzija li hi mifnija bil-korruzzjoni.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni, mhux biss bl-iskandlu ta’ Gaffarena u Kastilja, iżda anke bl-iskandlu tal-14,000 visa u permess ta’ residenza li nħarġu mill-istess Identity Malta mmexxija minn nies qrib Muscat u Kastilja. Dak li ħabbar Joseph Muscat mhu xejn għajr att ieħor mir-reċta li hu magħruf għaliha.

Fir-reazzjoni tiegħu il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-kredibilita’ ta’ Muscat tinsab fi freefall.