Lokali

Il-ħaddiema tal-Lands mill-ġdid jintlaqgħu mill-Pulizija

Għat-tieni ġurnata infila l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Artijiet fil-Berġa tal-Baviera fil-Belt Valletta ntlaqgħu mill-Pulizija hekk kif daħlu għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom.

Dan hekk kif disa’ xhur wara li kien żvelat il-każ ta’ Gaffarena, il-Pulizija bdiet investigazzjoni f’dan id-Dipartiment u sa mit-Tlieta filgħaxija stess numru ta’ uffiċjali tal-pulizija dehru deħlin fil-Berġa tal-Baviera biex jibdew l-istħarrig tagħhom.

Fl-aħħar sigħat il-ħaddiema ma ngħatawx aċċess għall-uffiċċji tagħhom u m’għandhomx informazzjoni dwar l-iskopijiet wara din l-investigazzjoni.

Ilbieraħ, f’kummenti lill-media ħaddiema tad-Dipartiment tal-Artijiet qalu li kienu sorpriżi bl-attitudni li ntlaqgħu biha meta ntalbu jibqgħu barra. Huma qalu li ħassewhom li qed jiġu trattati daqs li kieku kienu kriminali.