Il-PN jifraħ lid-direttur ġdid tal-EASO

ritratt mill-arkivji

Ix-Shadow Minister għall-UE u l-Affarijiet Barranin, Roberta Metsola, f’isem il-Partit Nazzjonalista, ferħet lil Jose Carreira li nħatar bħala d-Direttur Eżekuttiv ġdid tal-European Asylum Support Office, jew EASO, li hu bbażat f’Malta.

Il-ħatra ta’ Carreira waslet wara deċiżjoni tal-20 laqgħa tal-bord maniġerjali tal-EASO, f’Malta stess. Carreira issa hu responsabbli għat-tmexxija tal-aġenzija b’mod sħiħ.

Carreira, li hu Portugiż, kien il-Kap tal-Amministrazzjoni tal-EASO u serva f’diversi pożizzjonijiet ta’ maniġment fi ħdan diversi aġenziji tal-UE fosthom FRONTEX. Hu se jkun qed jieħu post Robert Visser li ħalla xogħolu mal-aġenzija f’Novembru.

Il-Partit Nazzjonalista fisser l-importanza strateġika li għandu dan l-uffiċċju f’li jimbotta mod olistiku ta’ kif wieħed iħares lejn l-ażil u l-immigrazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll li jħeġġeġ ir-rilokazzjoni ta’ dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali u li jsaħħaħ it-tweġiba min-naħa tal-Ewropa għall-kriżi tar-refuġjati.