Internazzjonali

Traġedja oħra waqt vjaġġ ta’ immigranti fil-Baħar Eġew

Talanqas 42 immigranti oħra għerqu waqt żewġ inċidenti separati fil-Baħar Eġew li seħħew matul il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa.

Madwar 34 minn dawn l-immigranti tilfu ħajjithom meta d-dgħajsa tal-injam li kienu fiha għerqet ‘il mill-kosta tal-gżira Griega ta’ Kalolimnos. Ir-rapporti qalu li l-vittmi, f’dan il-każ, kienu jinkludu almenu 11 il-tifel u tifla u 16 il-mara.

Il-gwardjani tal-kosta Griegi qalu li salvaw 26 immigrant li kienu fuq din id-dgħajsa waqt li rkupraw il-katavri fi kwistjoni ta’ sigħat. Skont il-kalkoli seta’ kien hemm madwar 100 immigrant fuq id-dgħajsa, bil-gwardjani jkomplu bit-tfittxija matul il-ġurnata.

Sadanittant, għerqet dgħajsa oħra, ‘il hinn mill-gżira ta’ Farmakonisi, fejn qed jingħad li mietu tmien persuni oħra. Din id-dgħajsa kienet qed iġġorr 48 persuna, li 40 minnhom irnexxielhom jaslu sax-xatt b’diffikultà kbira. Madankollu, il-gwardjani tal-kosta li fittxew f’dik iz-zona aktar trd sabu u rkupraw il-katavri ta’ sitt itfal u ta’ mara.

Fl-2015 waslu ‘l fuq minn miljun immigrant fl-Ewropa, b’aktar minn 700 oħra jitilfu ħajjithom huma u jaqsmu l-Baħar Eġew, mit-Turkija lejn il-Greċja. Din is-sena talanqas 100 immigranti oħra mietu mgħarrqin fiz-zona tal-Eġew.