Lokali

Kumpens għall-komunita’ Mostija – minn xogħol li ser isir mis-sidien tal-Pama Supermarket

Il-komunita’ tal-Mosta ser tkun qed tgawdi minn xogħol li ser isir mis-sidien tal-Pama Supermarket. Dan fuq ordni li l-Mepa kienet ordanat lis-sidien tas-supermarket bħala kundizzjoni għal ħruġ tal Permess għan-negozju tagħhom fil-Mosta.

Dan sar b’ koperazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mosta li qabel li jsiru numru ta’ proġetti mill-Pama bil-kundizzjoni li kull disinn ta’ proġett ikun approvat mill-Kunsill, sabiex il-proġett ikun jindirizza l-ħtiġijiet tar-residenti.

Is-Sindku tal-Mosta Edwin Vassallo qal li l-kundizzjoni tal-MEPA saret sabiex il-Mostin ikunu kumpensati għall-impatt li jista’ jħalli dan il-proġett. Qal wkoll li l-MEPA għamelt din il-kundizzjoni fuq inizjattiva tagħha stess bħala Awtorita’.

Edwin Vassallo semma’ x’inhuma l-proġetti li ser ikunu qed isiru u li huma Bandli fiż- żona ta’Mlit. Bandli fiż-żona taż-Żokrija, funtana li se ssir fil-Pjazza tal-Mosta fejn hemm l-Iljun, tinda maħduma biex iservi ta’ ilqugħ għal min ikun dieħel fiċ-Ċentru Ċiviku u speċjalment għal morda u dawk li jkunu deħlien jew ħirġin miċ-Ċentru tas-Saħħa. Għandu jsir wkoll ktieb li huwa djarju ta ġrajjiet il-Mosta li huwa proġett favur aktar interess fl-istorja tal-lokalita’. Se jsiru bankini fiċ-Ċentru tal-Mosta. Dawn ser isiru b’tali mod li jkunu aċċessibbli għal persuni b’xi diżabilita’.

Dawn il-progetti, kompla jispjega Edwin Vassallo għandhom ikunu lesti sa April tas-sena d-dieħla. Minn naħa tiegħu s-Sindku Edwin Vassallo f’isem il-Kunsill Lokali tal-Mosta, rringrazzja lill-MEPA talli f’dan l-iżvilupp ħasbet fir-residenti Mostin u rringrazzja anke lis-sidien tal-PAMA Supermarket talli aċċettaw il-kundizzjoni tal-MEPA. Hu awgura li dak li nftijhem isir realta’ u sabiex flimkien ikunu kapaċi jaħdmu għall-ġid tal-komunita’.