Lokali

L-ewwel sessjoni ta’ talb Musulman fl-Ospizio fil-Furjana

Kif ħabbar il-Gvern ilbieraħ, is-sessjonijiet ta’ talb Musulman mil-lum ma baqax isir fl-Imsida, iżda ġie trasferit għall-Ospizio fil-Furjana.

Għas-sessjoni tal-lum attendiet folla mdaqqsa ta’ Musulmani għat-talb ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa.

Sal-ġimgħa li għaddiet, dawn kienu qed jinġabru fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokjali tal-Imsida wara li kelliema għall-komunità Musulmana argumentaw li ma kellhomx post ieħor fejn jitolbu.

Din id-deċiżjoni, approvata bil-permessi tal-Pulizija, ġibdet il-kritika ta’ wħud, li qalu li l-post magħżul ma kienx wieħed adattat.

Madankollu, wara laqgħat li saru fl-aħħar jiem bejn il-Gvern u l-komunità Musulmana f’Malta, ġie deċiż li dawn is-sessjonijiet ta’ talb ma jibqgħux isiru fl-Imsida iżda f’post alternattiv.

Kien hawn li kien identifikat is-sit tal-Ospizio, li hu propjetà tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.