L-Imħallef Magri jiċħad li kien ostakolat fl-inkjesta dwar allegati nuqqasijiet fl-Addolorata

B’referenza għal xi stqarrijiet pubbliċi li saru reċentement dwar Inkjesta mmexxija mill-Imħallef emeritu Dr. Alberto Magri taħt l-Att dwar l-Inkjesti dwar allegati nuqqasijiet fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Maria Addolorata kif ukoll ċimiterji oħra tal-Gvern ta’ Malta, fi stqarrija l-Imħallef Magri jiddikjara li ħadd ma ostakolah b’xi mod fil-qadi ta’ dmirijietu.

Fil-Parlament, id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet li kellha informazzjoni li saret pressjoni fuq l-inkjesta biex l-investigazzjonijiet jieqfu jew jiġu konkużi bla eżitu u ma jsir assolutament xejn. Sostniet li kienet qed issir pressjoni fuq l-uffiċċju tal-Prim Ministru biex dawn l-investigazzjonijiet jieqfu u ma tittieħed l-ebda azzjoni.

Fl-istqarrija, waqt li l-Imħallef Magri jifhem li din hija materja ta’ kontroversja attwali, jappella għall-kawtela sabiex l-Inkjesta tkun tista’ ttemm id-doveri tagħha b’serenita`.

Il-Bord tal-inkjesta fl-istqarrija jistieden lil dawk il-membri tal-pubbliku li b’xi mod ħassew ruħhom aggravati mill-agir ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa impjegati fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata jew f’xi ċimiterju ieħor tal-Gvern, biex sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Frar, 2016, jibgħatu d-dettalji tagħhom cioe` isem, kunjom u indirizz ġewwa envelopp issigillat indirizzat lis-Sinjura Carmen Scicluna, Segretarja tal-Bord tal-Inkjesta dwar nuqqasijiet fl-Addolorata, Qrati Ċivili u Tribunali, Valletta.