Lokali Sport Waterpolo

Malta 14-13 Turkija: Rebħa storika għal pajjiżna fil-Waterpolo

It-Tim Nazzjonali Malti tal-Waterpolo dalgħodu għamel rebħa storika, hekk kif rebaħ lit-Turkija bl-iskor ta’ 14-13 wara l-għoti tal-penalties.

Sa tmiem l-erba’ sessjonijiet regolari, ir-riżultat baqa’ ta’ 10-10. Imbagħad, fl-għoti tal-penalties, il-goalkeeper Malti Nicky Grixti salva darbtejn għall-wieħed mitluf mill-Maltin.

B’din ir-rebħa, it-Tim Malti jikklassifika mal-ewwel 15 tat-timijiet Ewropej.

Interessanti li f’dan it-tournament Ewropew, li għaddej f’dawn il-jiem fil-kapitali Serba Belgrad, it-tieni l-aktar plejer li skorja gowls hu l-Malti Steven Camilleri.

Camilleri kien ukoll l-aqwa skorer għal pajjiżna f’din il-logħba.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport David Agius feraħ lit-Tim Nazzjonali Malti għall-prestazzjoni ta’ dalgħodu, li wasslet għal dan ir-riżultat meritat.

Anke l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija feraħ lit-Team Nazzjonali tal-Waterpolo, immexxi mill-Kowċ Karl Izzo, wara dan is-suċċess.

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jaħdem biex f’pajjiżna jkun hawn aktar investiment fil-qasam sportiv, b’aktar skemi favur l-isport f’pajjiżna.


Evidenti s-sodisfazzjon fost il-membri tal-kontinġent Malti fi tmiem il-logħba
(Ritratt: George Pullicino)