Il-Kap tal-kumpanija BP, Bob Dudley, ikkonferma mill-ġdid il-possibbiltà li l-prezz taż-żejt, kapaċi, ’il quddiem, jinżel għal $10 biss il-barmil.
Dudley kien qed jitkellem wara l-kwinti tal-Forum Ekonomiku Dinji organizzat f’Davos u t-tbassir isostni t-twissija preċedenti min-naħa tal-British Standard Chartered Bank.
It-tbassir ta’ Dudley qed jikber bħala probabbiltà wara l-aħħar statistika pprovduta mill-American Petroleum Institute. Id-data speċifika turi ħażna kbira oħra ta’ riservi taż-żejt, ekwivalenti għal 4.6 miljun barmil, u li ntlaħqet matul il-ġimgħa li għaddiet.
Il-prezz taż-żejt mhux irraffinat West Texas Intermediate (li jintuża bħala indikatur għall-prezzijiet) niżel fl-aktar livell baxx – taħt is-$27 il-barmil — minn Mejju tal-2003. Il-Brent crude, li hu punt ta’ riferiment ewlieni għax-xiri taż-żejt madwar id-dinja, ukoll niżel għal $27.20, li hu kważi l-aktar punt baxx fi kważi 13 il-sena.
M’hemm xejn li jista’ jikkalma lill-investituri fis-settur meta d-dinja ‘faret’ biż-żejt li l-ammonti tiegħu huma bil-wisq ogħla mid-domanda.
Imma minkejja dan il-prezz tal-fjuwil f’pajjizna jibqa’ wiehed gholi hafna ikkumparat ma pajjizi ewropej tant li l-prezz tad-diesel ghadu fil-live ta’ €1.22 u l-unleaded petrol jinbiegħ għall-prezz ta’ €1.32.
L-Iran, li rritorna fix-xena bħala esportatur wara li tneħħewlu s-sanzjonijiet (minħabba l-attivitajiet nukleari tiegħu) u l-Istati Uniti huma involuti f’‘battalja kbira’ għal sehem fis-swieq taż-żejt tal-Ewropa.
L-International Energy Agency irriferiet għar-ritorn tal-Iran fis-swieq waqt li wissiet li d-dinja tista’ ‘tegħreq fil-provvisti żejda taż-żejt’. Il-‘Wall Street Journal’, intant, semma l-biża’ li l-Iran kapaċi jixpruna l-provvisti taż-żejt ‘aktar malajr milli wieħed jaħseb’, fost rapporti li dan il-pajjiż diġà għandu madwar 50 miljun barmil lesti għall-esportazzjoni.
‘Mhix impossibbli’ li ż-żejt jinżel għal $10 il-barmil..il-kap tal-BP
