Maltempata kbira bil-borra qed tavviċina r-reġjuni tal-kosta tal-Lvant tal-Istati Uniti li se twassal għal rekord ta’ borra għall-inħawi ta’ Washington u r-reġjun bejn New England u l-Istati lejn in-Nofsinhar tal-Atlantiku.
Sadanittant, ‘il fuq minn 50 miljun resident ingħataw twissija dwar ‘maltemp bil-kapaċità li jrażżan kull moviment u jipparalizza l-ħajja’, u li kellu jolqot numru ta’ nħawi mill-bieraħ stess. Dan meta kien mistenni l-inżul ta’ 60 ċentimetru borra fi kwistjoni ta’ ftit sigħat.
Kien hemm ukoll inkwiet li l-maltemp bil-borra għandu joħloq problemi għall-provista tad-dawl kif ukoll għat-trasport mill-art u tal-ajru. Numru kbir ta’ Amerikani, fl-aħħar sigħat, ħasbu għall-provisti ta’ emerġenza, fejn iffurmaw sriebet twal f’diversi bliet u nħawi oħrajn, u ‘tbattlu l-ixkafef’ tas-supermarkets.
Il-maltemp attwali fl-Istati Uniti diġà kellu konsegwenzi qattiela, b’żewġ sewwieqa ta’ karozzi jitilfu ħajjithom f’North Carolina. Kien hemm ukoll inċidenti fatali fl-Istati ta’ Tennessee u Maryland.
Fl-aħħar sigħat ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza għal Maryland, North Carolina, Georgia, Pennsylvania, Virginia u d-Distrett ta’ Columbia. Dan meta daħlu fis-seħħ blizzard watches għall-inħawi li jġebbdu minn Arkansas sa Tennessee, Kentucky u r-reġjuni tat-Tramuntana, li jinkludi New York.
Miljuni fl-Istati Uniti jħejju għal maltempata kbira tal-borra
