Raġel misjub ħati mill-Qorti li kien qed isuq karozza taħt l-effett tal-alkoħol kellu l-piena mnaqqsa mill-Qorti tal-Appell li ddeċidiet li l-provi miġjuba fl-ewwel Qorti ma kienux ta’ min jorbot fuqhom.
L-Imħallef Edwina Grima naqqset il-multa ta’ Raymond Debono minn €1,300 għal €23 wara li qieset li l-provi miġjuba fil-Qorti kienu ‘dgħajfa’. L-ewwel Qorti kienet sabet lil Debono ħati li f’Diċembru tal-2013 kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol u mingħajr dawl mixgħul. Kienet illiberatu mill-akkuża li rrifjuta jagħmel it-test tan-nifs. Minbarra l-multa, il-Qorti kienet issospendietu l-liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur.
Fil-Qorti tal-Appell reġa’ ntqal li r-raġel ma kienx għamel it-test biex jiġi kkalkulat il-livell tal-alkoħol fid-demm minħabba li kien ferut b’mod gravi tant li kien ittieħed l-isptar. Il-Qorti rrimarkat li persuna ma tistax tinstab ħatja fuq nuqqas ta’ provi xjentifiċi u f’dan il-każ, sempliċement mir-riħa ta’ alkoħol li kienet ħierġa minn fomm l-akkużat.
Il-Qorti għalhekk illiberatu mill-akkużi ħlief li kien qed isuq il-karozza mingħajr dawl. L-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta dehru għall-akkużat.
//= $special ?>

