Il-Prim Ministru Franċiż, Manuel Valls, qal li l-istat ta’ emerġenza ddikjarat fi Franza bi tweġiba għat-terroriżmu li kien laqat Pariġi, f’Novembru, għandu jibqa’ fis-seħħ ‘sakemm tintemm il-gwerra totali, fuq livell globali, kontra l-ISIS’.
Preżenza akbar ta’ Pulizija u direttivi li jipprojbixxu laqgħat pubbliċi għall-massa jinkwadraw fost il-metodi li qed juża l-Istat waqt li l-impenji tal-awtoritajiet Franċiżi biex jaqbdu terroristi ssuspettati u jevitaw attakki ġodda.
Filwaqt li l-istat ta’ emerġenza fi Franza jiskadi fi Frar, Valls jemmen li l-miżuri għandhom ikunu estiżi sakemm l-ISIS – li ħa r-responsabbiltà għall-attakki ta’ Novembru li ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba fil-kapitali Franċiża – jispiċċa megħlub.
Il-Prim Ministru Valls, li kien qed jitkellem f’Davos, fl-Iżvizzera, qal li Franza ‘tinsab fi gwerra’ u għandha d-dritt li tuża ‘l-mezzi legali kollha biex tipproteġi lill-poplu’.
Meta staqsewh kemm jaħseb li l-istat ta’ emerġenza għandu jdum fis-seħħ, Valls qal li dan irid jibqa’ effettiv ‘għaż-żmien kollu neċessarju’, għalkemm aċċenna li ‘wieħed ma jistax jgħix għal dejjem f’dawn iċ-ċirkostanzi’.
Stat ta’ emerġenza fi Franza sakemm jegħlbu lill-ISIS
