Iż-żwiġijiet irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta żdiedu fl-2015 fuq l-2014.
Stqarrija mill-Kurja turi li s-sena li għaddiet kien hemm 1,458 żwieġ fil-Knisja f’Malta, eskluż Għawdex, u li minnhom 71 kienu bejn Maltin u barranin. Minn dawn tal-aħħar, 44 kienu bejn Kattoliċi, 22 bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin, u 5 bejn Maltin Kattoliċi u barranin li mhumiex Insara.
Il-71 persuna barranija li żżewġet ma’ Maltija kienu 34 raġel u 37 mara minn 31 pajjiż differenti, ewlenin fosthom 11 mill-Italja u 11 mill-Ingilterra.
Fl-2015 ġew irreġistrati wkoll 13-il żwieġ bejn Maltin li jgħixu barra u 126 bejn koppji barranin.
Il-Knisja qalet li l-iktar xhur popolari għaż-żwiġijiet is-sena li għaddiet kienu Ġunju, Mejju u Lulju waqt li l-koppji kienu l-iktar ta’ etajiet bejn l-20 u d-29 sena.
Qalet ukoll li fl-2015 kien hemm 74 żwieġ li ġie konvalidat, meta koppja miżżewġa bi żwieġ ċivil titlob ukoll li tiżżewweġ fil-Knisja, u li dan in-numru hu żieda sostanżjali fuq in-numru ta’ żwiġijiet ikkonvalidati fis-sena ta’ qabel.
Matul is-sena l-oħra wkoll kien hemm 20 armel jew armla li reġgħu żżewġu u 38 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
Il-Kurja tal-Arċisqof fakkret li nhar il-Ħadd, l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jiltaqa’ mal-koppji li ser jiżżewġu matul din is-sena, waqt Quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-5:30 p.m. Din il-Quddiesa hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana u se jkollha xandira diretta fuq il-YouTube Channel tal-Knisja f’Malta – www.youtube.com/knisjamalta.
//= $special ?>