Lokali

Fil-Parlament il-Gvern ġie fi kliem l-Oppożizzjoni

Wara li l-Gvern ma semax mill-appelli tal-Oppożizzjoni meta l-ġimgħa li għaddiet talbet lill-Minstru Michael Farrugia jirtira Abbozz ta’ Liġi dwar ix-xogħol tas-social workers sakemm jintlaħaq ftehim mal-imsieħba kollha fis-settur, il-Gvern issa xorta ġie fi kliem l-Oppożizzjoni u se jemenda l-Abbozz li ressaq bla ma kienu għadhom intemmu t-taħditiet.
Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali, Paula Mifsud Bonnici, ikkritikat fil-Parlament lill-Ministru Michael Farrugia li xorta waħda ressaq l-Abbozz u beda jiddiskutih fil-Parlament minkejja li kien għad hemm furur u oppożizzjoni qawwija għal dak li kien qiegħed jimponi l-Gvern biex jilleġiżla.

Tant il-Gvern se jkollu jbiddel, u jemenda punt kruċjali ħafna fil-professjoni tas-social workers, li l-Ministru Michael Farrugia talab li jagħmel spjegazzjoni meta bdiet titkellem ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici nhar l-Erbgħa fil-Parlament.

Il-Ministru informa lill-Parlament li ntlaħaq ftehim dwar il-proċess dwar kif social worker ikun jista’ jieħu l-warrant. Dan wara li meta l-Minstru ressaq dan l-Abbozz u beda jiddibattih il-ġimgħa li għaddiet, kien għad ma kienx hemm il-kunsens tal-ħaddiema soċjali.

Il-Gvern ried ukoll jimponi li student li jkun għadu jiggradwa jrid jagħmel b’mod mandatorju sentejn jaħdem ma’ aġenzija tal-Gvern sakemm jakkwista l-warrant.

Din mill-ewwel qajmet reazzjoni negattiva minn 18-il NGO li stqarrija kongunta, mid-Dipartiment dwar il-Ħidma Soċjali fl-Università, l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers, u mill-istudenti fl-università li joffru servizzi ta’ appoġġ.

L-Oppożizzjoni, li fid-dibattitu tkellmu wkoll id-Deputati Nazzjonalisti Robert Cutajar u Stephen Spiteri, appellat lill-Gvern jemenda l-liġi fis-sens li ħaddiem soċjali li jaħdem taħt is-superviżjoni ta’ ħaddiem soċjali reġistrat sabiex jakkwista l-warrant, għandu wkoll jiġi riferut bħala ħaddiem soċjali.