Bejn illum u għada jitkompla l-kampjonat Taljan u konfront li jispikka se jkun dak ta’ għada f’Turin bejn iċ-champions Juventus u Roma. Id-distakk bejn dawn it-tnejn hu dak ta’ seba’ punti fejn Juventus qegħdin fit-tieni post, żewġ punti taħt il-liders Napoli.
Fl-ewwel rawnd Juventus kienu tilfu 2-1 kontra l-istess Roma fl-Olimpico meta dakinhar il-Bianconeri kienu anke spiċċaw jilagħbu b’disa’ plejers. Madankollu, minn dakinhar ‘l hawn l-affarijiet inbidlu ħafna u ġimgħatejn ilu, wara diversi riżultati negattivi, Roma keċċew lill-kowċ Rudi Garcia u minfloku ħatru lil Luciano Spalletti. Spalletti beda l-avventura tiegħu ma’ Roma bi draw ta’ 1-1 ġimgħa ilu kontra Verona filwaqt li minn naħa tagħhom Juventus ġimgħa ilu għelbu lil Udinese 4-0 u għalihom din kienet l-10 rebħa konsekuttiva. Minkejja li Roma rebħu biss darba fl-aħħar ħames logħbiet tagħhom, żgur li l-partita ta’ għada għal Juventus se tkun waħda delikata kontra tim li se jkun qed ifittex li jikseb l-ewwel rebħa għas-sena 2016. Ta min jinnota li matul il-ġimgħa Juventus kienu anke impenjati fil-kwarti tal-finali tal-Coppa Italia b’partita kontra Lazio u t-tim ta’ Allegri rebaħ 1-0.
Wara li ġimgħa ilu għelbu lil Fiorentina 2-0, Milan, illejla jkunu impenjati barra minn darhom kontra Empoli u din bla dubju se tkun partita delikata għat-tim ta’ Sinisa Mihajlovic. Minkejja li Milan ħadu tliet punti kontra l-Viola, żgur li l-futur ta’ Mihajlovic bħala kowċ ta’ Milan m’huwiex wieħed ċert u r-Rossoneri għandhom bżonn ikunu aktar konsisteni fil-logħob tagħhom. Minn naħa tagħhom Empoli kienu bdew is-sena b’telfa kontra Inter u minn dakinhar ‘l hawn ħadu rebħa u draw. Fl-aħħar ħarġa tagħhom ġew draw kontra Chievo. Empoli se jkollhom lil Paredes sospiż.
Fl-ewwel logħba tal-Ħadd Fiorentina jippruvaw jirkupraw meta jaffrontaw lil Torino. Dawn tal-aħħar, fl-ewwel rawnd kienu rebħulhom 3-1 u din is-sena ma tantx bdiet fuq nota pożittiva għal Fiorentina li se jkunu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi bl-aħħar waħda tkun dik kontra Milan. Il-Viola se jkollhom lil Vecino sospiż. Ġimgħa ilu Torino rebħu 4-2 kontra Frosinone filwaqt li matul il-ġimgħa kellhom impenn ieħor fis-Serie A u ġew draw 1-1 kontra Sassuolo.
Għada Inter jilqgħu f’darhom lil Carpi, tim li se jkollu lil Gagliolo u Cofie sospiżi. Inter setgħu temmew is-sena bħala champions tax-xitwa imma tilfu żewġ partiti u ġimgħa ilu ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Atalanta. Dawn ir-riżultat taw daqqa ta’ ħarta lit-tamiet ta’ Inter għar-rebħ tal-kampjonat imma matul il-ġimgħa dawn kisbu rebħa ferm importanti meta eliminaw lil Napoli mill-kwarti tal-finali tal-Coppa Italia meta fis-San Paolo rebħulhom 2-0. Fl-ewwel rawnd Inter kellhom jitħabtu mhux ftit biex rebħu 2-1 barra minn darhom kontra Carpi bil-gowl deċiżiv jasal fl-aħħar minuta.
Il-liders Napoli għandhom konfront delikata barra minn darhom kontra Sampdoria. Dawn tal-aħħar se jkollhom lil Soriano sospiż. Fl-ewwel rawnd in-Naplitani kienu ġew miżmuma draw 2-2 f’darhom kontra Sampdoria u għada jridu jirbħu biex mhux biss ipattu għal dan id-draw imma biex iwettqu reazzjoni wara d-disfatta fil-Coppa Italia u anke biex jibqgħu fil-quċċata.
//= $special ?>