Internazzjonali

L-United Airlines traħħas il-biljetti minħabba l-prezz baxx taż-żejt

Il-kumpannija tal-ajru United Airlines (UA) irreġistrat dħul akbar, fl-aħħar tliet xhur tal-2015, grazzi għall-prezzijiet taż-żejt baxxi li saru fattur kontinwu ta’ dawn iż-żmenijiet.

Minħabba f’hekk, l-UA beħsiebha żżid il-flotta sa nofs l-2017, permezz ta’ 40 ajruplani Boeing ġodda. Intant, din il-kumpannija tal-ajru se tintroduċi biljetti li jiswew anqas sa nofs din is-sena.

Id-dħul nett tal-kumpannija tela’ għal $823 miljun fil-perjodu bejn Ottubru u Diċembru li għadda, u li jirrifletti qabża kbira mit-$28 miljun irreġistrati fl-aħħar tliet xhur tal-2014,

Il-kont tal-fuel għall-UA naqas b’36 fil-mija għall-perjodu Ottubru-Diċembru tal-2015 meta pparagunat mal-istess żmien matul is-sena preċedenti. Dan ifisser li l-linja tal-ajru partikolari ffrankat mad-$912 il-miljun. Intant, il-UA rat id-dħul totali jonqsilha minn $9.3 għal $9 biljuni, iżda dan kien dovut għal tnaqqis żgħir fil-prezz tal-biljetti tal-ajru.

Brett Hart, li qed jaqdi kariga temporanja bħala Kap Eżekuttiv tal-UA, qal li l-linja tal-ajru tejjbet l-operat, fejn baqgħet tinvesti fil-prodotti u s-servizzi tagħha filwaqt li laħqet tragwardi finanzjarji rekord.