Lokali

“Intom dejjem tridu” – il-mara tal-Prim Ministru lil “Laburista kbira”

Waqt attivita tal-Partit Nazzjonalista organizzata mill-MNPN fin-Naxxar, spikka l-intervent ta’ anzjana li ddeskriviet ruħha li kienet l-ikbar Laburista, iżda meta marret tkellem lil Michelle Muscat – il-mara ta’ Joseph Muscat, din qaltilha “intom dejjem tridu”.

 Il-mara tkellmet dwar din il-weġa’ u dwar il-fatt li fil-Partit Nazzjonalista sabet partit li jirrapreżenta u li jiddefendiha.

Fl-istess attivita’, kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Hu sostna li tliet snin ilu l-Partit Nazzjonalista kellu l-għażla li jibqa’ ċċassat jistenna lill-Gvern jitlef il-voti waħdu, inkella li ż-żmien fl-Oppożizzjoni jintuża biex iwettaq riformi u bidla biex il-partit verament ikun rappreżentant u difensur tal-poplu.

Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon busuttil waqt attivita organizzata mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar.

Hu sostna li l-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha u l-poplu diġa’ qed jinduna li fuq naħa għandu Gvern mifni bl-iskandli, ewlenin fosthom dawk ta’ Gaffarena u l-Cafe’ Premier, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm partit li qed iwiegħed li jibbaża l-ħidma fuq ir-rieda tal-poplu.

Imma mhux paroli biss. Mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista diġa’ kiteb u wassal għall-introduzzjoni tal-liġi dwar il-ħajja sana, bi qbil unanimu fil-Parlament u kixef numru ta’ skandli tal-Gvern minn flus il-poplu.

Dan kollu filwaqt li l-Gvern berbaq flus il-poplu filwaqt li l-morda kellhom jittalbu għand il-President għall-mediċina, jew għadhom jistennew fuq stretchers fil-kurituri tal-isptar u l-poplu jibqa’ jħallas prezz għoli għall-fjuwil.

“In-nies jivvutawlna jekk nuruhom li nirrispettawhom u naħdmu għalihom,” stqarr Simon Busuttil, li qabbel l-aħħar snin bħala muntanja li l-Partit Nazzjonalista tela’ u deżert li rnexxielu jaqsam bl-appoġġ tan-nies.

Matul l-attivita’, tkellmu wkoll numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li dawk preżenti kellhom l-opportunita’ jsemmgħu leħinhom, b’mod speċjali dwar il-qasam tas-saħħa u t-trasport pubbliku li huma mifnija bi problemi. Dan filwaqt li dawk preżenti setgħu jagħmlu testijiet tal-pressjoni u d-dijabete.