Aġġoranta : Il-Pulizija arrestat żewġ persuni li allegatament huma l-moħħ wara l -holdup. Qegħdin jinżammu għall-iktar investigazzjonijiet.
Il-Pulizija qed tinvestiga allegat hold-up li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-23:00 ta’ filgħaxija, mill-ħanut tal-logħob IziBet fi Triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex fl-Imsida.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li fl-allegat hold-up, raġel ipponta arma tan-nar lejn l-impjegat tal-ħanut u talbu l-flus. L-informazzjoni li għandna tgħid li l-ħalliel ħa b’madwar €3,500 fi flus kontanti.
Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li l-allegat ħalliel hu raġel ta’ karnaġġjon skura, li kien liebes barnuża u li kien akkumpanjat minn raġel ieħor, ukoll ta’ karnaġġjon skura.
L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li l-impjegat tal-ħanut u oħrajn li kienu preżenti fil-post kienu kapaċi jagħrfu lill-persuna meqjusa bħala “kompliċi fil-każ”. Fl-istess waqt, kien hemm suspetti li l-awtur tal-hold-up seta’ kien raġel li joqgħod ftit toroq ‘il bogħod minfejn seħħ il-każ.
Fil-fatt, sa tard filgħaxija, diversi karozzi tar-Rapid Intervention Unit dehru jħufu fit-toroq tal-madwar, fost oħrajn fi Triq Antonio Bosio fejn, skont sorsi li tkellmu magħna, il-Pulizija ħasbu li kien joqgħod l-allegat awtur tal-hold-up.
Sadanittant, fil-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Forensika, li ħadu l-marki tas-swaba’ f’diversi żoni tal-ħanut.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>