F’dawn l-aħħar jiem l-Għaqda Maltija tal-weightlifting organizzat b’suċċess l-ewwel kompetizzjoni tas-sena. Din kienet importanti ferm minħabba li l-aħħar ċans għall-atleti biex jikkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet internazzjonali li huma fil-qrib.
L-ewwel kompetizzjoni kienet għall-kadetti fejn numru sabiħ ta’ tfal ħadu sehem.
Rylee Borg mar l-aħjar hekk kif ġab 125 punt u dan kien segwit minn Kyle Camilleri b’117-il punt. Camilleri rnexxielu wkoll jistabbilixxi rekord nazzjonali fil-kategorija tat-30kg.
It-tieni kompetizzjoni kienet għall-atleti li qed iħejju għall-Kampjonati tal-Unjoni Ewropea li se jsiru f’Malta f’Mejju li ġej. Fil-kategorija ta’ taħt 15 il-sena l-aħjar riżultati fil-kategorija tas-subien kienu ta’ Lionel Zerafa b`refa ta’ 61kg. Fil-kategorija tat-tfajliet kienet Shelby Vassallo li marret l-aħjar hekk kif refgħet 56kg.
Kieran Mifsud kiseb l-aħjar riżultat fil-kategorija tas-subien ta’ taħt 17-il sena meta refgħa
215kg u Shazel Guzman,fil-kategorija tal-bniet marret l-aħjar hekk kif refgħet 75kg. Fil-kategorija tal-irġiel ta’ taħt l-20 sena tas-subien l-aħjar riżultat kienu miksuba minn Andy Grech b’refa’ totali ta’ 175kg. Rebecca Fitz għan-nisa marret l-aħjar b’refa’ totali ta’ 89kg kif ukoll waqqfet sitt rekords nazzjonali fil-Clean & Jerk.
It-tielet kompetizzjoni tal-ġurnata kienet għal atleti nisa. L-atleti kollha għamlu l-aħjar tagħhom biex jibbukkjaw post fit-tim nazzjonali. L-ewwel f’din il-kompetizzjoni kienet Pamela Psaila b’refa’ totali ta’ 137kg u punteġġ ta’ 188. Psaila stabbilixxiet ukoll tliet rekords nazzjonali.
Fit-tieni post Yazmin Zammit Stevens kellha refa’ totali ta’ 129kg u punteġġ ta’ 163. Fit-tielet post spiċċat Elisia Scicluna b’refa’ totali ta’ 135kg u punteġġ ta’ 154. Din kienet segwita minn Kristen Borg b’refa’ totali ta’ 98kg u punteġġ ta’ 151.
L-aħħar kompetizzjoni tal-ġurnata kienet għall-irġiel, kompetizzjoni li kienet iddominata minn Rodmar Pulis b’refa’ totali ta’ 244kg u punteġġ ta 302 punt. Pulis kien segwit minn Matthew Camilleri b’total ta’ 226kg u punteġġ ta’ 269 u Anton Micallef b’refa’ totali ta’ 202kg u punteġġ ta’ 237.
Rodmar Pulis, Kyle Micallef, Ryan Agius, Pamela Psaila u Yazmine Zammit Stevens, huma l-atleti li ikkwalifikaw bħala tim biex jirrapreżentaw lil Malta fil-kampjonat għall-pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa li se jsiru f’Ċipru. Matthew Camilleri, Andy Grech, Elisia Scicluna u Kristen Borg ikkwalifikaw biex jirrappreżentaw lil Malta fit-kompetizzjoni tal-Mediterran fi Spanja. Iż-żewġ kompetizzjonijiet internazzjonali ser isiru f’Marzu gej.
//= $special ?>