Miljuni ta’ persuni fiz-zoni tal-Lvant tal-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, kellhom jiffaċċjaw mewġa wara l-oħra ta’ borra li paralizzaw is-sistemi tat-trasport fi bliet prinċipali bħal New York u Washington.
Il-maltemp kontinwu wassal għal stati ta’ emerġenza fl-inħawi ta’ New York, Tennessee, Georgia, Kentucky, North Carolina, New Jersey, Virgina, West Virginia, Maryland, Pennsylvania u d-Distrett ta’ Columbia.
Intant, tneħħiet il-projbizzjoni għall-ivvjaġġar bil-karozzi fil-belt ta’ New York, b’eluf ta’ Amerikani qed jagħmlu l-kalkoli tal-ħerba mill-maltemp. Madankollu, il-metro ta’ Washington kellu jibqa’ magħluq, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li tħarbtu l-programmi għal-linji tal-ajru fir-reġjun, b’mijiet ta’ titjiriet jitħassru għall-ġurnata tallum.
L-ajruporti ewlenin ta’ Washington – ir-Royal Reagan National u Dulles – kellhom idumu biex iħaddmu s-soltu servizzi. Fl-istess ħin, xi linji tal-ajru kienu qed jikkunsidraw li jħaddmu servizz limitat mill-ajruporti fiz-zona ta’ New York.
Numru dejjem akbar ta’ residenti kellhom jikkonfrontaw sitwazzjonijiet allarmanti ta’ borra fonda aktar minn 100 ċentimetru fost rapporti qalu li talanqas 20 tilfu ħajjithom b’kaġun ta’ inċidenti relatati għat-tempesta qalila.
Il-maltempata – imlaqqma Jonas jew Snowmageddon – affettwat xi 85 miljun resident fl-Istati Uniti, bis-servizzi tad-dawl jinqatgħu għal 200,000. Intant, l-elementi ta’ Jonas, sal-bieraħ, dehru li bdew jonqsu, bil-maltemp jiċċirkola aktar viċin l-Oċean Atlantiku.
Is-sewwieqa f’Kentucky, Pennsylvania u West Virginia damu iżolati għal sigħat fit-triqat koperti b’munzelli tas-silġ u borra, bl-aktar inżul ta’ borra qalil ikun irreġistrat f’Shepherdstown, f’West Virginia, fejn laħaq fond ta’ 103 ċentimetru.
Il-borra li niżlet f’Central Park, fi New York, kienet ikkonfermata bħala ‘t-tieni l-akbar inżul fl-inħawi mill-1869, b’rapporti jgħidu li talanqas ħames persuni fiz-zona ta’ New York mietu b’kaġun ta’ inċidenti li nqalgħu waqt li kienu qed jippruvaw ineħħu l-borra.
Iżda minkejja l-konsegwenzi traġiċi kien hemm ukoll min ħa l-opportunità biex jiddeverti waqt ‘xitwa storika’, b’ħafna nies (minkejja t-twissijiet) joħorġu fit-toroq u l-parks biex igawdi l-borra. Kien hemm ukoll snowball fight enormi bejn in-nies, li urew spirtu brijjuż rari, fl-inħawi ta’ Times Square, fi New York.
//= $special ?>