Internazzjonali

Adolexxenti fil-Kanada akkużat bi qtil tal-massa

Tifel ta’ 17 il-sena spiċċa akkużat bil-qtil ta’ erba’ persuni waqt sparaturi rispettivi fi skola u dar, fil-provinċja ta’ Saskatchewan, lejn il-Punent tal-Kanada.

Il-każ li xxokkja lill-pajjiż kollu seħħ fi tmiem il-ġimgħa u l-imputat żgħażugħ – li ma ssemmiex minħabba li għadu mhux adult – qed jiffaċċja wkoll seba’ akkużi dwar attentat ta’ qtil.

L-iskola fejn seħħet l-isparatura tinsab fil-villaġġ ta’ La Loche u r-rapporti rreferew ukoll għal diversi midruba. L-aħħar rapporti, sadanittant, qalu li ż-żgħażugħ suspettat għandu jitressaq il-qorti fil-jiem li ġejjin.

Skont ir-rapporti, l-aggressur, l-ewwel, qatel żewġt aħwa f’residenza taz-zona qabel mar fl-Iskola tal-Komunità, f’La Loche, ( fejn jattendu madwar 900 student) u qatel għalliem ta’ 35 sena, flimkien assistent-għalliema li kienet bint l-Aġent Sindku tal-villaġġ. Il-pulizija, aktar tard, rażżnet lis-suspettat, neħħietlu l-arma u żammitu taħt arrest, bl-iskop wara l-omiċidji għadu mhux magħruf.