Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li temmen bis-sħiħ li l-kredibiltà tas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes kompliet tmajna wara li dan ħa sehem f’avveniment li jippromwovi l-qtil u l-ibbalzmar tal-għasafar u l-annimali. Huwa inkredibbli u ta’ mistħija li bniedem imqabbad biex jiddefendi d-drittijiet tal-annimali jispiċċa jippromwovi l-ibbalzmar tagħhom, attività mistmerra mad-dinja kollha kompliet tistqarr Birdlife Malta.
Il-BirdLife ddikjarat li tilfet kull fidi fis-Segretarjat Parlamentari Galdes wara li kkollabora ma’ tnejn min-nies li nstabu ħatja li kienu fil-pussess ta’ tajr protett, fosthom tajr tal-priża. Dawn it-tnejn min-nies flimkien ma’ Galdes issa qed jippruvaw jgħallmu li l-qtil tal-annimali għall-ibbalzmar għandu mhux biss jitfaħħar imma saħansitra jiġi ppremjat. Il-BirdLife qalet li tinsab diżgustata li waqt din l-attività kien hemm għall-wiri anke annimali protetti minn liġijiet internazzjonali, fosthom nejbiet tal-iljunfant u qrun tar-rinoċeront. Din l-attività kienet moralment u etikament ħażina, u li jkollok lir-rappreżentant tal-Gvern għad-drittijiet tal-annimali jorganizza, jippromwovi u jattendi din l-attività hija ta’ mistħija.
L-istqarrija kompliet tgħid li apparti l-fatt li din l-attività tista’ titqies illegali minħabba li ttellgħet f’riserva natura fejn il-pussess ta’ għasafar huwa kontra l-liġi, din l-attività tmur ukoll kontra l-valuri ta’ mħabba lejn in-natura u l-ħarsien tagħha. Fl-istess jum li l-BirdLife qalet li hi kellha attività għall-familji u l-iskejjel ġewwa Foresta 2000 fejn it-tfal tgħallmu jħawlu s-siġar u josservaw il-ġmiel tan-natura, Galdes kien spalla ma’ spalla ma’ min qed jigglorifika l-gost tal-qtil tal-annimali.
BirdLife Malta qalet li tappella lill-Prim Ministru biex iżomm il-kelma li ta hu stess wara r-referendum, li se jmexxi gvern b’kuxjenza ambjentli ikbar.
//= $special ?>

