Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu Gaffarena huwa kundanna kbira għal gvern ta’ Joseph Muscat. Rapport li jikkonferma li l-gvern ta’ Joseph Muscat jinstab fi kriżi ta’ koruzzjoni. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qiegħed jitkellem fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fis-Sannat. Simon Busuttil spjega li r-rapport huwa ċar u ma jħalli assolutament ebda dubju dwar il-koruzzjoni u l-ħmieġ tal-gvern. Rapport li ntalab mill-Oppożizzjoni li qegħda żomm l-gvern taħt skrutinju. Rapport li ta’ raġun lill-oppożizzjoni mill-bidu sa l-aħħar fuq l-iskandlu Gaffarena. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa ċar li dan huwa każ ta’ mafja minn Kastilja fejn huwa ċar li l-proċedura nqalbet bill-maqlub b’Gaffarena fi ftehiem dirett mal-gvern sabiex il-gvern jagħmel lill-Gaffarena miljunarju. Simon Busuttil qal li t-tort ta’ dan kollu huwa ta’ Joseph Muscat għaliex huwa l-ministru responsabbli mill-lands. Spjega kif Segretarju Parlamentari ma’ jaħdimx waħdu imma jaħdem taħt l-approvazzjoni ta’ Ministru, f’dan il-każ ta’ Joseph Muscat. Spjega kif Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbilita’ mhux biss bħala ministru imma anke bħala Prim Ministru għaliex dan dam ikaxkar saqajh minkejja li kien jaf il-fatti. Huwa ddeskriva dak li għamel Joseph Muscat b’rabta mar-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari bħala reċta. Tkellem ukoll dwar il-mod kif Joseph Muscat prova jfarfar mir-responsabbilita’. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa dwar l-investigazzjoni tal-Pulizija fid-Dipartiment tal-Artijiet fejn staqsa għaliex kien propju issa li l-pulizija bdew jinvestigaw meta l-fatti ilhom magħrufa. Simon Busuttil spjega wkoll kif fil-pulizija huwa l-Economic Crimes Unit li jrid jinvestiga dan il-każ, diviżjoni li fiha jaħdmu ulied l-eks Kummissarju Ray Zammit li huma sħab fin-negozju ma’ l-istess Gaffarena. Tkellem ukoll dwar il-kawża li fetaħ fil-Qorti l-Prim Ministru fejn qal li l-kawża hija magħmula b’mod biex tintilef għaliex hija mibnija fuq il-premessa li sar żball u mhux fuq il-premessa li kien hemm il-ħmieġ. Simon Busuttil staqsa wkoll x’għandu differenti Ian Borg minn Michael Falzon hekk kif Michael Falzon spiċċa biex irriżenja minn Segretarju Parlamentari filwaqt li Ian Borg b’arroganza fil-gazzetta mar jiddikjara li l-każ tiegħu għalih huwa ‘dead and burried’. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li għal koruzzjoni qegħdin nħallsu aħna filwaqt li tkellem dwar il-prezzijiet għolja tal-fuels f’Malta. Sostna li n-nies iridu li l-affarijiet isiru b’mod differenti. In-nies qegħdin iħarsu lejn il-Partit Nazzjonalista u jaraw fil-Partit Nazzjonalista t-tama li l-politika tista’ tkun koretta u nadifa. Mhux ta’ b’xejn li qiegħed jiżdied l-appoġġ lejn il-Partit Nazzjonalista sostna Simon Busuttil li spjega li l-Partit Nazzjonalista mhux ser jibżgħa mill-verita’. Aktar tard matul il-jum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil attenda l-attivita’ L-Ikla tal-Ħbieb, li annwalment tlaqqa l-attivisti tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.
“It-tort huwa ta’ Joseph Muscat”
