Internazzjonali

Il-Libja: Jikkontrollaw in-nirien fit-terminal ta’ Ras Lanuf

Gwardjani fit-terminal taż-żejt ta’ Ras Lanuf, fil-Libja, qalu li rnexxielhom jikkontrollaw nirien fl-inħawi dovuti għal attakk mit-terroristi tal-ISIS.

Talanqas ħamsa mit-13 il-tank tat-terminal ġarrbu ħsarat b’riżultat tal-attakk li seħħ nhar il-Ħamis, b’tank partikolari jikkrolla għal kollox. Intant, bħalissa għaddejja evalwazzjoni tal-ħsara, b’kelliema għall-Korporazzjoni taż-Żejt Nazzjonali (tal-Libja) jinkwetaw li setgħu ntilfu sa tliet miljun barmil żejt.

It-terminal ta’ Ras Lanuf ilu magħluq mill-aħħar tal-2014 u din is-sitwazzjoni mistennija tkompli fit-tul.

Il-Libja għadha mifnija bi vjolenza u inkwiet politiku wara r-rewwixta li, fl-2011, qaċċtet ir-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi. Dan waqt li l-Gvernijiet rivali, fi Tripli u Tobruk, ilhom jiġġieldu għall-poter u sehem tal-ġid mill-esportazzjoni taż-żejt. Il-produzzjoni taż-żejt mil-Libja, illum, naqset għal taħt l-400,000 barmil kuljum li hu anqas minn kwart tal-1.6 miljun barmil (kuljum) li kienet tipproduċi fl-2011.

L-ISIS, fl-aħħar ġimgħat, ħa vantaġġ min-nuqqas ta’ stabbilità fil-Libja biex jikkonsolida postu fil-belt ta’ Sirte, lejn il-Punent ta’ Ras Lanuf.

Sadanittant, fi tmiem il-ġimgħa, qawwiet armati alleati mal-Gvern ta’ Tobruk qalu li wettqu attakki mill-ajru fuq il-belt ta’ Ben Jawad, ftit ‘il barra minn Sirte, fejn it-terroristi tal-ISIS ukoll qegħdin isaħħu l-preżenza.