Għawdex Lokali

Il-Ministru Anton Refalo u c-Chairman tal-Gozo Channel jiftaħru b’rix ħaddieħor

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u l-Kelliem dwar Għawdex Frederick Azzopardi fi stqarrija qalu li lbieraħ il-Ministru Anton Refalo u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali u Chairman tal-Gozo Channel ħargu jiftaħru li l-kumpanija Gozo Channel għamlet miljun euro qliegħ fis-sena 2015.  Dawn qed jiftaħru bl-investiment qawwi li għamel Gvern tal-Partit Nazzjonalista biex l-accessibbilità ta’ Għawdex titjieb.  Gvern Laburista fi tlett snin m’għamilx ċentezmu ta’ investiment fl-aċċessibbilità bejn iż-żewġ gżejjer u dan minkejja wegħdi galore fuq l-aċċessibilità fil-programm elettorali kompliet tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Il-kumpanija Gozo Channel setgħet tagħmel il-profitt, kompliet tgħid l-istqarrja, għaliex Gvern tal-Partit Nazzjonalista investa fost l-oħrajn fi tlett vapuri ġodda u terminals mill-isbaħ fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr – dan ifisser investiment ta’ aktar minn mitt miljun fuq aċċessibbilità aħjar għal Għawdex.  Chris Said u Frederick Azzopardi fakkru li meta ftit snin ilu saru l-ixkaffi fuq wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel, biex dan jkun jistà jgħabbi d-doppju ta’ vetturi,  kien hemm min qal li dawn huma ħela ta’ flus.

Il-Ministru Refalo u c-Chairman naqsu milli jgħidu li dan il-profitt setà jsir ukoll għaliex fis-sena 2015 l-prezz tal-fuel naqas drastikament għaliex il-prezz internazzjonali taż-żejt niżel għal kwart ta’ dak li kien fi żmien Gvern tal-PN.  Kulħadd jaf li din il-kumpanija waħda mill-akbar spejjes tagħha huwa l-fuel.

L-istess Ministru u Chairman, tkompli tgħid l-istqarrija, naqsu li jgħidu wkoll li matul l-2015 naqsu l-ħaddiema tal-kumpanija u ħallew diversi postijiet vojta bil-konsegwenza li l-ħaddiema l-oħra kellhom jagħmlu sagrifiċċji kbar.  “Issa fl-aħħar jiem rajna l-kumpanija tagħti kutratt lill-kumpanija privata biex tissupplixxi ħaddiema f’ diversi oqsma li l-paga tagħhom hija viċin il-prekarjat” tgħid l-istqarrija.  Dan minn Ministru ta’ Gvern li ftaħar li jrid jeqred il-prekarjat.​

L-istqarrija tgħid li l-aktar ħaġa gravi li naqsu li jgħidu l-Ministru u c-Chairman hi propju li issa waqqfu għal kollox is-servizz tal-ġarr tal-merkanzija minn Għawdex sa Sa Maison u lura.  Dan ifisser iffrankar kbir ta’ flus għal kumpanija imma nuqqas ta’ servizz essenzjali lil Għawdxin.  Il-Ministru għal Għawdex irid lill-kumpanija tagħmel il-profitt a skapitu li jnaqqas u jneħħi għal kollox servizz essenzjali. Dan is-servizz kien ilu jsir diversi snin u l-kumpanija Gozo Channel hija obbligata li taghmlu bil-kuntratt tal-Public Service Obbligation.  Infatti l-kumpanija qed titħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi biex tagħmel dan is-servizz.  Minkejja dan kollu dan is-servizz twaqqaf bla kliem u bla sliem.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hu sodisfatt li l-kumpanija għamlet il-qliegħ pero huwa ferm aktar importanti li tingħad il-verità kollha.  Il-Partit Nazzjonalista sostna li ma jħarisx lejn kemm il-kumpanija Gozo Channel ser tagħmel profitti imma kemm ser tkompli żżid s-servizz tagħha u tagħmlu wieħed eċċellenti l-ewwel u qabel kollox biex il-gżira ta’ Għawdex timxi l’ quddiem u l-Għawdxin ikollhom l-aqwa u l-aħjar accessibbilità.  Il-Gvern Laburisa jidher li ma jimpurtahx minn dan ttemm tgħid l-istqarrija.