Il-Gvern ta’ Franza wiegħed li jżomm l-ordni mal-fruntieri tiegħu, sigħat wara li grupp ta’ immigranti telgħu għal xi żmien fuq vapurett destinat għar-Renju Unit.
L-awtoritajiet Franċiżi wieġbu wara li l-Kap tal-Assoċjazzjoni għat-Trasport tal-Prodotti Kummerċjali fir-Renju Unit ħeġġeġ biex il-Franċiżi jaċċertaw is-sigurtà fil-Port ta’ Calais, wara l-aħħar inkursjonijiet tal-immigranti.
Il-port ta’ Calais, fit-Tramuntana ta’ Franza, spiċċa magħluq, nhar is-Sibt, meta madwar 50 immigrant telgħu għal żmien fuq l-imsemmi vapurett tal-kumpannija P&O . L-inċident seħħ waqt protesta favur l-immigranti fl-inħawi tal-port, bir-riżultat li s-servizzi miz-zona tħarbtu għal xi żmien.
Issa, l-Ministru Franċiż għall-Intern, Bernard Cazeneuve, qal li 35 persuna (immigranti u attivisti) spiċċaw arestati waqt l-inċident tas-Sibt. Hu qal ukoll li pulizija għal kontra l-irvellijiet u l-border units ta’ Franza ilhom mobilizzati għal xhur u li ‘Franza hi determinat li żżomm l-ordni’.
Aktar qabel, Richard Burnett, li hu Kap Eżekuttiv tar-Road Haulage Association tar-Renju Unit, sejjaħ biex l-awtoritajiet Franċiżi jieħdu ‘azzjoni deċiżiva’ ħalli ma jsirux aktar inċidenti ta’ dan it-tip.
Burnett sostna li l-inċident tal-immigranti kien l-aħħar f’sensiela ta’ ‘inkursjonijiet’ f’Calais u li hi biss ‘kwistjoni ta’ żmien sakemm l-awtoritajiet jiffaċċjaw l-agħar xenarju’ fejn kapaċi jitlef ħajtu xi sewwieq ta’ trakk li jkun qed jivvjaġġa minn Franza lejn ir-Renju Unit.
Hu kompla li issa wasal iż-żmien biex l-awtoritajiet Franċiżi jirrikonoxxu l-ħtieġa li joħorġu l-militar u jistazzjonawhom fl-inħawi tal-port ta’ Calais u l-viċinanzi.
Dan fost twissijiet li żdiedu li l-ammont tal-immigranti fiz-zona ta’ Calais, flimkien ‘mal-attentati vjolenti fuq is-sewwieqa’.
Fil-preżent, eluf ta’ immigranti qegħdin jgħixu f’kamp magħruf bħala ‘l-ġungla’ fit-tarf ta’ Calais. Il-popolazzjoni fil-kamp baqa’ jiżdied f’dawn il-ġimgħat u qabeż l-2,500, li jinkludu aktar minn 200 tifel u tifla. Ir-Renju Unit u Franza, f’Awwissu, kienu ffirmaw ftehim dwar miżuri ġodda biex jippruvaw itaffu l-kriżi umana, bil-miżuri jinkludu ċentru ta’ kmand ġdid biex jgħin jikkonfronta lit-traffikanti tal-bnedmin.
//= $special ?>