Lokali

“L-MCESD, sar estensjoni ta’ Ministeru minflok saħħaħ l-awtonomija tiegħu”

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, sar estensjoni ta’ Ministeru minflok saħħaħ l-awtonomija tiegħu.

Stqarrija iebsa li għamilha l-President tal-Forum Unions Maltin Kevin Bonello f’kummenti lill-gazzetta Il-Mument. Meta mistoqsi jekk jarax il-bżonn li fl-MCESD tiġi diskussa immedjatament il-kwistjoni tal-prezz internazzjonali taż-żejt, Kevin Bonello ħareġ qatta’ bla ħabel jikkritika l-operat preżenti tat-tmexxija tal-Kunsill.

“Eżempju ċar li l-MCESD sar estensjoni ta’ Ministeru hu l-fatt li minkejja li għal bosta xhur l-imsieħba soċjali ilhom jitolbu biex il-laqgħat isiru f’post newtrali. Iżda għal darb’oħra l-laqgħa li jmiss se terġa’ tkun fil-Ministeru ta’ Helena Dalli, kontra r-rieda ta’ kulħadd.”  Meta l-Forum staqsa għaliex il-laqgħa li kellha ssir fis-Sala tal-Mediterran reġgħet ġiet riallokata għall-Ministeru, il-Forum talbet biex tkun taf jekk din kenitx deċiżjoni minħabba budget tal-MCESD jew xi raġuni oħra.

“Sal-lum għad m’għandniex tweġiba ċara. Kollox jindika li jew l-MCESD m’għandhiex fondi biex topera jew inkella qed ikollha indhil sistematiku fuq kif torganizza l-attivitajiet tagħha”, sostna Kevin Bonello.