Il-Moody’s Investors Service – l-aġenzija tar-ratings b’influwenza globali – naqqset sostanzjalment it-tbassir oriġinali dwar il-prezz taż-żejt mhux irraffinat għall-2016.
Skont it-tbassir ġdid – li jaqta’ $10 mill-evalwazzjoni oriġinali – barmil żejt m’għandux jinbiegħ b’aktar minn $33 matul is-sena, irrispettivament mill-kunċett tat-‘tlugħ u nżul’, b’dan ikun dovut, fost oħrajn, għall-kwantitajiet żejda tar-riżors fis-swieq tad-dinja.
Kelliema għall-Moody’s qalu li l-abbundanza taż-żejt, li jirreferu għaliha bħala glut, għandha tippersisti, din is-sena, minħabba l-500,000 barmil żejt ‘addizzjonali’ kuljum mill-Iran. Dan il-pajjiż jista’ jidħol fix-xena mill-ġdid bħala esportatur ladarba l-komunità internazzjonali neħħietlu s-sanzjonijiet dovuti għall-programm nukleari tiegħu.
Id-domanda għaż-żejt, fuq livell internazzjonali, illum titqies bħala ‘bierda’.
Intant wara li l-prezzijiet taż-żejt ħadu daqqa kbira ‘l isfel f’dawn il-jiem, il-Moody’s tistenna li l-prezz tal-Brent crude (indikatur ewlieni fil-qasam) iżomm medja ta’ $33 matul l-2016 u wara li l-ħsieb, qabel, kien ta’ $43.
Minkejja li l-prezz globali niżel fl-aktar livell baxx fi 12 il-sena, l-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi li Jesportaw il-Petroleum (OPEC) u produtturi taż-żejt oħrajn li ma jiffurmawx parti mill-organizzazzjoni xorta mhumiex ħerqana li jnaqqsu mill-produzzjoni. Dan fost il-biża’ tal-pajjiżi partikolari li jitilfu mis-sehem fis-swieq internazzjonali.
L-International Energy Agency (IEA) sostniet, fl-Oil Market Report, li d-domanda globali għaż-żejt naqset, fl-aħħar tliet xhur tal-2015, għal miljun barmil kuljum. Dan mit-2.1 miljun barmil żejt kuljum li kienu l-benchmark għall-perjodu Lulju-Settembru (2015), u li kien jirrifletti l-ogħla domanda fi kważi ħames snin.
//= $special ?>