Birdlife Malta organizzat Jum għall-Familja fil-Foresta sabiex tirringrazzja lill-iskejjel u l-familji. L-għaqda kienet qegħda tiċċelebra id-donazzjonijiet li għadd ta’ skejjel ġabru għall-kura tas-siġar f’Foresta 2000 fil-Mellieħa. Id-donazzjonijiet inġabru permezz ta’ attività ta’ Dinja Waħda, il-programm ta’ edukazzjoni ambjentali mmexxi minn BirdLife Malta. BirdLife Malta organizzat il-Jum għall-Familja fil-Foresta, avveniment ġdid li se jibda jsir kull sena, biex tirringrazzja lit-tfal, il-ġenituri tagħhom u l-għalliema.
Is-sena skolastika l-oħra nġabru €4,378. L-aktar skola li ġabret flus kienet l-Iskola Primarja tar-Rabat, li rnexxielha tiġbor €360 bis-sehem tal-iskola kollha. Kull tifel u tifla taw 20ċ fl-attività ta’ Dinja Waħda msejħa Foster a Forest. Għal kull donazzjoni li tinġabar, it-tfal ipinġu parti ċkejkna minn siġra kbira tal-karti, bħala ġest simboliku ta’ siġra li qiegħda tikber. Din l-attività tgħallem ukoll lit-tfal dwar l-importanza tal-foresti bħala ekosistemi u djar għall-ħajja selvaġġa.
Fil-Jum għall-Familja fil-Foresta, il-parteċipanti gawdew minn mixjiet iggwidati u attivitajiet oħra bħal dimostrazzjoni ta’ taħwil ta’ siġar, ħinijiet ta’ esplorazzjoni biex jiġu apprezzati varjetajiet differenti ta’ pjanti u annimali, u ħin iddedikat għall-arti bl-użu ta’ materjal naturali.
Bħalissa, il-programm Dinja Waħda qiegħed isir fi ‘l fuq minn 80% tal-iskejjel primarji, u jipprovdi lill-edukaturi b’għażla vasta ta’ riżorsi edukattivi għall-edukazzjoni ambjentali. Foresta 2000 hi medda art li ġiet irrestawrata mill-iżdingar u msaġġra, u li fiha s’issa tħawlu aktar minn 21,000 siġar u arbuxxelli indiġeni.
//= $special ?>

