Lokali

Tfalli kumpanija fl-Italja li kienet tinqeda b’isem l-Universita’ ta’ Malta

Il-kumpanija GEF Consulting, ibbażata f’Castellamare di Stabia, falliet wara li fl-aħħar snin iġġenerat dejn li jlaħħaq il-miljun ewro.

Din il-kumpanija, immexxija minn Carlo Scarpone (ritratt) u ibnu Gerardo, kienet toffri servizzi ta’ medjazzjoni, formazzjoni professjonali u konsulenza lill-azjendi.

Iżda wara li l-kumpanija bdiet takkumula d-dejn, il-kredituri bdew jiġru wara flushom u bdew ukoll talbiet għad-danni, bit-tribunal ta’ Torre Annunziata jibda l-proċess ta’ likwidazzjoni fl-14 ta’ Jannar li għadda.

Il-kumpanija kienet sejra tajjeb, akkwistat maġġoranza ta’ sehem f’kumpaniji oħra u bdiet tirreġistra profitti dejjem ikbar. Iżda jirriżulta li l-problemi bdew meta l-GEF Consulting bdiet tinqeda wkoll b’isem l-Universita’ ta’ Malta u b’mod falz tirriklama lilha nnifisha u toffri korsijiet bħala fergħa tal-istess universita’.

Saħansitra jirriżulta li mal-binja ta’ GEF Consulting, wieħed isib il-kitba: “Link Campus University of Malta”. Ħafna emmnu dan u bit-tama li jespandu l-kurrikulu tagħhom, applikaw ma’ GEF Consulting.

Dan wassal biex żagħżugħ fetaħ każ kontra l-kumpanija fejn qal li hu nkiteb fl-Universita’ ta’ Malta permezz ta’ GEF Consulting imma l-kors ma beda qatt. Hu ngħata r-raġun b’kumpens ta’ €5,000. Jidher li minn hawn GEF Consulting ma ħaditx ir-ruħ u bdiet taffaċċja problemi dejjem ikbar.