Internazzjonali

Vot għal President ġdid fil-Portugall

Għaxar kandidati – rekord – ikkuntestaw l-elezzjoni tallum għall-Presidenza tal-Portugall, fejn il-politiku taċ-ċentru-lemin, Marcelo Rebelo de Sousa, kien qed jidher favorit għar-rebħa.

Filwaqt li l-President tal-Portugall għandu kariga fil-parti kbira ċerimonjali, hu, bħala Kap ta’ Stat, għandu l-kapaċità li jxolji l-Parlament f’Lisbona f’każ ta’ kriżi.

Illum il-Portugall hu mmexxi minn koalizzjoni fraġli magħmulha minn partiti tax-xellug u dan b’riżultat tal-elezzjonijiet inkonklussivi ta’ Ottubru li għadda.

Ir-riżultat tal-elezzjoni ikun magħruf tard bil-lejl, fost l-indikazzjonijiet li Marcelo de Sousa – magħruf bħala l-‘Professur Marcelo mas-sostenituri tiegħu – jista’ jikseb aktar minn 50 fil-mija tal-vot li jkun ifisser rebħa awtomatika.

De Sousa, politiku veteran, kien għen iwaqqaf il-Partit Soċjal Demokratiku Portugiż taċ-ċentru-lemin. F’każ li jkun elett President, De Sousa jieħu post il-konservattiv Anibal Cavaco Silva li serva għal żewġ mandati tal-Presidenza konsekuttivi, b’kull mandat idum għal ħames snin.

Intant, hemm xorta possibbiltà li xi ħadd minn Antonio Sampaio da Novoa u l-eks Ministru tas-Saħħa, Maria de Belem Roseira – rivali ewlenin ta’ De Sousa u t-tnejn kandidati taċ-ċentru-xellug – joħolqu xi sorpriża.

F’każ li ħadd mill-kandidati ma jilħaq it-threshold stabbilit, ikun hemm il-ħtieġa għal tieni votazzjoni diretta għall-Presidenza tal-Portugall li ssir fl-14 ta’ Frar li ġej.