Tatjana Tesic, ta’ 50 sena, u Srdan Stevanovic, ta’ 34 sena, it-tnejn Serbi residenti San Pawl il-Baħar, ingħataw il-libertà proviżorja wara li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi relatati ma’ sejba tad-droga li saret is-Sibt li għadda filgħaxija.
Is-sejba saret mill-Pulizija tad-Distrett li kienu fuq ir-ronda. Huma lemħu liż-żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż f’karozza fi Triq San Ġeraldu f’San Pawl il-Baħar. Għall-ħabta tad-8.45pm, hekk kif il-Pulizija kienet qed toqrob lejn il-vettura tal-barranin, din instaqet b’veloċità. Il-barranin kienu segwiti mill-Pulizija sakemm il-vettura tagħhom twaqqfet fi Triq Dawret il-Gżejjer.
Tfittxijiet fil-vettura u anke fl-appartament tal-barranin, wasslu għas-sejba tad-droga u anke affarijiet oħra relatati mat-teħid u t-traffikar tad-droga. Fost oħrajn, instabu madwar 50g raża tal-kannabis, kważi 17g ħaxixa tal-kannabis, 56 pillola tal-ecstasy u qartas bil-kokaina.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija minn Nikolai Sant, oġġezzjonat għat-talba tad-Difiża biex is-Serbi jingħataw il-libertà proviżorja. Il-Prosekuzzjoni sostniet li l-akkużati ġejjin minn pajjiż li mhux membru fl-Unjoni Ewropea u għalhekk tkun diffiċli biex jinstabu f’każ li dawn jaħarbu mill-pajjiż.
Madankollu, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Giannella de Marco, argumentat li Tesic ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar 14-il sena u għandha impjieg fiss ta’ interior designer. Hi għandha tifla, li hi miżżewġa Malti, u tgħix f’residenza fissa ma’ Stevanovic stess. Id-Difiża sostniet li m’hemmx biża’ li l-akkużati jaħarbu mill-pajjiż, kif ukoll li mhux xieraq li ma jingħatawx il-libertà proviżorja sempliċiment għax barranin.
Il-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba tad-Difiża u tat il-libertà proviżorja lill-akkużati. Fil-każ ta’ Tatjana Tesic, din ingħatat fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €3,000, filwaqt li fil-każ ta’ Srdan Stevanovic, din ingħatat fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000.
//= $special ?>

