Hekk kif il-prezz taż-żejt kompla jinbiegħ għal madwar 30 dollaru kull barmil, ekonomisti ewlenin qed ikomplu jbassru li l-prezz għad irid jorħos aktar.
Dan hekk kif f’dawn l-aħħar 15-il xahar il-prezz taż-żejt iżjed ma għadda ż-żmien dejjem raħas aktar biex issa qed jinbiegħ għal 70 fil-mija anqas milli kien fl-2014.
Dan qed iwassal beix analisti jkomplu jemendaw it-tbassir għall-prezz taż-żejt għall-2016. Dan peress li hemm provista adegwata fis-suq u t-talba battiet ħafna partikularment miċ-Ċina li għaddejja minn staġnar ekonomiku filwaqt li l-Istati Uniti qed tipproduċi biżżejjed żejt għall-finijiet tagħha.
Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa l-prezz taż-żejt laħaq l-irħas prezz f’dawn l-aħħar 12-il sena meta niżel taħt it-30 dollaru kull barmil.
Issa analisti mill-kumpanija finanzjarja Morgan Stanley qalu li saret xi ħaġa possibbli ħafna li l-prezz taż-żejt jinżel għal 20 dollaru kull barmil. Dan filwaqt li ekonomisti fir-Royal Bank of Scotland qalu li matul l-2016 iż-żejt jista’ jibda jinbiegħ fis-swieq internazzjonali għall-prezz ta’ 16-il dollaru kull barmil. Tbassir ieħor ta’ aktar roħs fil-prezz taż-żejt ġie mill-kumpanija multinazzjonali Standard Chartered li bassret li saħanistra l-prezz fix-xhur li ġejjin jista’ jinżel għall-għaxar dollari kull barmil.
Minkejja dan, il-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna jibqa’ wieħed għoli ħafna ikkumparat ma’ pajjizi Ewropej tant li l-prezz tad-diesel ghadu fil-livell ta’ €1.22 u l-unleaded petrol jinbiegħ għall-prezz ta’ €1.32.
Ikompli t-tbassir li l-prezz taż-żejt se jkompli jorħos


