Il-Laburisti ġenwini qed jifhmu li l-korruzzjoni hija inġustizzja kbira… u li dan hu l-aktar Gvern korrott li qatt kellna
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal illejla fil-Parlament li r-rapport tal-Awditur Ġenerali kien l-akbar kundanna ta’ korruzzjoni fuq dan il-Gvern.
Fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-awtonomija Parlamentari, Simon Busuttil qal li l-Gvern mhux jirrispetta r-rwol awtonomu tal-Parlament għaliex il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex fil-Parlament ma jkollu l-ebda oppożizzjoni.
Simn Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qed tagħti l-appoġġ tagħha għal din il-liġi għaliex jekk irridu demokrazija b’saħħitha, irid ikollna Parlament verament awtonomu li fih id-Deputati jżommu lill-Gvern, taħt il-lenti u responsabbiltajiet għal għemilhom. Il-Parlament huwa separat mill-Gvern u għaldaqstant ma jistax ikun jidher qisu parti mill-Gvern.
Il-mistoqsija politika u l-aktar importanti hija jekk dal-Gvern hux miexi tassew bi spirtu li tirrispetta l-Parlament bħala entità separata, u r-rwol tal-Oppożizzjoni. Il-verita hi li miexi bil-maqlub. Anzi, il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex fil-Parlament ma jkollu l-ebda oppożizzjoni.
Ebda Deputat m’għandu jkun fuq bordijiet ħalli l-Gvern ma jkunx jista’ jixtrih
Filwaqt li fakkar li qabel dan il-Gvern l-ebda Deputat ma seta’ jkun fuq bordijiet ħalli l-Gvern ma jkunx jista’ jixtrih, dal-Gvern neħħa dik il-liġi ħalli jkun jista’ jħallas lid-Deputati tiegħu għal paga aktar minn waħda. Dan jhedded bil-kbir l-awtonomija tal-Parlament u tar-rwol fundamentali tad-Deputati li jżommu lill-Prim Ministru u lill-Ministri accountable għal għemilhom. U meta jkollok Gvern li d-deputati tiegħu stess ma jżommuhx taħt il-lenti, allura mhux ta’ b’xejn li l-Gvern jibda jagħmel li jrid u jibda jħoss li ħadd mhux se jkellmu.
Issa jekk il-Gvern iħoss li jista’ jagħmel li jrid allura dan iwassal għall-abbuż ta’ poter u dan għall-korruzzjon
Semma kif stħarriġ tal-opinjoni pubblika mxandar il-Ħadd li għadda mill-MaltaToday juri li l-inkwiet tan-nies fuq il-korruzzjoni hu l-ogħla li qatt kien fl-aħħar 17-il sena.
Saħaq li hu għalhekk importanti l-awtonomija tal-Parlament – biex tikxef u tiġġieled l-abbuż tal-poter u l-korruzzjoni. Kien għalhekk li fid-dokument tal-Oppożizzjoni dwar Good Governance hu propost li deputati parlamentari m’għandhomx jinħatru aktar fuq bordijiet u anzi, jkollhom l-għażla li jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għad-dmirijiet parlamentari.
Il-media indipendenti qed taqdi funzjoni kruċjali fil-ġlieda konra l-korruzjzoni u l-abbuż
Spjega li l-media indipendenti ukoll taqdi funzjoni kruċjali fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-korruzzjoni, kif inkixef l-iskandlu Gaffarena fejn inkixfet korruzzjoni ċara fl-għoti ta’ €3.5 miljun u issa nkixef ħlas ieħor lil Gaffarena ta’ €400,000.
Hawn, saħaq Simon Busuttil, għandna korruzzjoni ċara: għax għandek abbuż tal-poter li wassal biex Gaffarena jsir miljunarju.
Ir-rwol tal-Oppożizzjoni hu li tikxef dak li qed isir ħażin, li żżommu lill-Gvern taħt il-lenti u anki li tmur quddiem l-istituzzjonijiet indipendenti ħalli jinvestigaw il-korruzzjoni ta’ dal-Gvern, kif talbet lill-Awditur Ġenerali fuq l-iskandlu ta’ Gaffarena li kkonferma bil-kbir il-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern.
L-Oppożizzjoni trid istituzzjonijiet tassew indipendenti
Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega wkoll li jekk hemm tagħlima x’nitgħallmu mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar dan il-każ ta’ korruzzjoni, huwa l-importanza li jkollna istituzzjonijiet tassew indipendenti – li ma jibżgħux mill-Gvern u li joperaw. Għandna bżonn ħafna aktar istituzzjonijiet awtonomi.
Kien għalhekk li fil-proposti tal-Oppożizzjoni fuq ‘Tmexxija Nadifa, Good Governance’, qed tippropni li ħafna aktar istituzzjonijiet għandhom jinħatru biż-żewġ terzi ħalli Gvern li jkun irid jaħbi ma jkunx jista’ jaħbi – bħall-Kap, taċ-Ċivil, bħall-Kummissarju tal-Pulizija u oħrajn.
”Meta qed nikxfu l-korruzzjoni, Joseph Muscat jgħajjarna negattivi. Dan hu parti mill-istil ta’ tmexxija li jmur kontra l-ispirtu ta’ dil-liġi dwar l-awtonomija parlamentari u favur il-korruzzjoni” saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
X’ta lura Gaffarena għal dak li ħa mill-Gvern?
Irrifera għal dak li qal ir-rapport tal-Awditur Ġenenrali li juri kif dan il-Gvern ġab lil pajjiżna, fosthom li:
Kastilja tat lil Gaffarena nofs miljun ewro cash, 43 tomna art u dar f’Tas-Sliema: €3.5 miljun b’kollox;
Kastilja stmat iż-żewġ kwarti tad-dar baxxi kif kien jaqbel lil Gaffarena, imma stmat l-artijiet li tatu u l-propjetà f’Tas-Sliema għoljin, kif ikien jaqbel lil Gaffarena;
Kastilja ma żammitx rekord ta’ xi ntqal ma’ Gaffarena u bagħbsu l-minuti;
Kastilja qatt ma ħasbet jekk kienx hemm skop pubbliku f’dak li ried Gaffarena; u
Gaffarena qal lil Kastilja x’tagħmel, x’tixtri u kemm tħallsu.
In-nies qed tistaqsi wara dak kollu li ħarep mill-Awditur Ġenerali dwar x’ta lura Gaffarena għal dak li ħa mill-Gvern?
Mafia sħiħa li tinvolvi lil Kastilja
Ikkritka li hu biss issa li l-Pulizija marret il-Lands. Staqsa għaliex mhux f’Mejju? Għaliex mhux Kastilja? Għaliex? Għax min kien fl-Economic Crimes Unit f’Mejju li għadda kien f’kumpanija, fin-negozju, ma’ Gaffarena stess! Min ried inaddaf il-files mit-traċċi Joseph Muscat tah tmien xhur.
Mhux ta’ b’xejn, saħaq Simon Busuttil, li meta taqra r-rapport, tistħajlu rumanz tal-Mafia. Qisha qarnita li qabdet lil Kastilja, lid-Dipartiment tal-Lands li jaqa’ taħt il-Prim Ministru u lill-Pulizija. Dawn l-affarijiet narawhom meta naraw il-mafja. Dan hu l-iskandlu ta’ Gaffarena: Mafia sħiħa li tinvolvi lil Kastilja.
L-aktar Gvern korrott li qatt kellna
Simon Busuttil saħaq ukoll fil-Parlament li dak li qed jgħid hu qed jgħiduh anki nies mill-kamp politika Laburista, qed jgħidu li dan hu l-aktar Gvern korrott li qatt kellna.
Il-każ ta’ Gaffarena mhux uniku …il-każ tal-pompa tal-petrol illegali f’Ħal Qormi
Simon Busuttil qal li l-każ ta’ Gaffarena mhux uniku; għax issa għandna pattern. Fil-lista ta’ każi oħrajn skandalużi li elenka fil-Parlament il-każ tal-pompa tal-petrol illegali f’Ħal Qormi b’laqgħat qabel l-elezzjoni bejn Gaffarena u l-Prim Ministru. Xi ddiskutew?
…il-każ tal-Cafè Premier
Hemm il-każ tal-Cafè Premier li fih il-Prim Ministru ħallas €4.2 miljun għal xejn b’xejn lil min ried – b’laqgħat ukoll qabel l-elezzjoni – u ġie kundannat mill-Awditur Ġenerali. Staqsa kif il-Prim Ministru għadu ma refax ir-responsabbilita għal dan?
…il-każ ta’ Ian Borg
Semma wkoll il-każ ta’ Ian Borg li dwaru kien hemm rapport ta’ kundanna qawwija mill-Ombudsman fuq każ ieħor ta’ abbuż ta’ poter, żvelat mill-Malta Independent, bl-Ombudsman joħroġ b’konkluzjoni ċara ta’ abbuż ta’ poter.
F’dan l-istadju għamel rimarki s-Segretarju Parlamentari Ian Borg li ta spjegazzjoni tal-każ tiegħu, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wieġeb li l-fatti li joħorġu mill-konklużjonijiet tal-Ombudsman huma li fuq dan il-każ ta’ Ian Borg, kien applika xi ħadd u ma ngħatax il-permess, li Ian Borg akkwista permess tal-MEPA b’devious methods (ingann), u li l-ħruġ tal-permess kien żball gravi tal-MEPA.
Semma wkoll li l-konklużjonijiet tal-Ombudsman għamlithom tagħha wkoll il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Kif Michael Falzon tkeċċa u Ian Borg le?
Staqsa allura għaliex ma ttiħdux passi kontra Ian Borg? U allura kif Michael Falzon tkeċċa u Ian Borg le?
Flok jieħu passi Muscat imur jirreċta
Saħaq li quddiem dawk l-iskandli kollha, il-Prim Ministru m’għamel xejn. U minflok jieħu passi kif inhu xieraq, il-Prim Ministru joqgħod jirreċta. Bħalma hija reċta l-kawża li fetaħ kontrih innifsu. Staqsa fejn qatt xi ħadd fetaħ kawża kontrih innifsu?
Simon Busuttil saħaq li l-Laburisti ġenwini qed jifhmu li l-korruzzjoni tħallas għaliha int – u jħallas għaliha speċjalment min hu onest u bieżel.
Il-Laburisti ġenwini qed jifhmu li l-korruzzjoni hija inġustizzja kbira
Il-Laburisti ġenwini qed jifhmu li l-korruzzjoni hija inġustizzja kbira għax minnha jgawdu l-ftit u jħassal il-ħaddiem u l-pensjonant: il-ħaddiem li ħa żieda ta’ 58cents u mbagħat ta’ €1.75, u l-pensjonanti li ħa żieda ta’ €1.17 għax il-kumplament jaqsuhom tul is-sena flok il-lump sum li kienu jieħdu.
…li l-korruzzjoni jħallas għaliha kull min qed iħallas id-doppju għad-diesel u l-petrol
Il-Laburisti ġenwini qed jifhmu li l-korruzzjoni jħallas għaliha kull min jimla l-karozza bil-petrol jew id-diesel u li qed iħallas id-doppju għad-diesel u kważi d-doppju għall-petrol milli kienu f’Malta fl-2003 meta ż-żejt kien bl-istess prezz internazzjonali.
…li l-korruzzjoni jħallsu għaliha n-nies fis-social housing li għollielhom il-kera
Il-Laburisti ġenwini qed jifhmu li l-korruzzjoni jħallsu għaliha n-nies fis-social housing li dal-Gvern għollielhom bil-qawwi l-kera.
…li l-korruzzjoni jħallas għaliha n-negozjant onest
Il-Laburisti ġenwini qed jifhmu li l-korruzzjoni jħallas għaliha n-negozjant onest li jrid iqatta’ bi snienu f’suq kompetittiv waqt li ’l tal-Cafè Premier Joseph Muscat tah aktar minn 4 miljun ewro.
Simon Bususttil saħaq li r-rapport tal-Awditur wera kemm hu importanti li jkollna istituzzjonijiet indipendenti li jaħdmu kontra l-korruzzjoni – u sostna li anke l-Parlament irid ikun indipendenti biex f’pajjiżna jkollna demokrazija aktar b’saħħitha li fiha l-Gvern ikun tassew mġiegħel jagħti kont ta’ għemilu.
//= $special ?>