Il-Partit Laburista se jibqa’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu li ma joġġezzjoanx għall-qerda tal-Ambejnt fiż-Żonqor, f’żona ddikjarata bħala ODZ. Din il-pożizzjoni kienet espressa f’isem il-Partit Laburista minn delegazzjoni tal-Kunsilliera Laburisti, li kellhom laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Front Ħarsien ODZ.
Ir-rappreżentant tal-Front, Michael Briguglio, appella lill-Kunsilliera Laburisti biex jaħdmu għall-konsistenza u biex il-Partit Laburista jopponi l-qerda taż-Żonqor. Briguglio sostna li dan għandu jsir bl-istess mod li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ħareġ jopponi proġett fiż-żona tal-Munxar fl-istess lokalità, għalkemm dwar iż-Żonqor, il-Partit Laburista qed jibqa’ adamanti.
Michael Briguglio sostna li fl-iżvilupp fiż-Żonqor, il-Gvern ma mexiex skont ir-regoli li hu stess għamel. Sostna li kien il-kap Eżekuttiv tal-MEPA stess li ddikjara li flok iż-Żonqor kienu nstabu diversi siti alternattivi. Barra minhekk, il-Front Ħarsien ODZ qed jappella wkoll biex il-Kunsill Lokali tas-Sannat f’Għawdex jopponi l-bini ta’ 15-il villa f’Ta Ċenċ, f’żona oħra ODZ.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsilliera Laburisti Mario Fava qal li l-Gvern Laburista kien pożittiv meta naqqas l-użu ta’ art ODZ fiż-Żonqor, filwaqt li sostna li l-Partit Laburista jemmen f’bilanċ bejn l-Ambjent u l-Ekonomija. Fava sostna li l-Kunsilli Lokali għandhom jieħdu pożizzjoni quddiem proġetti li jkunu qed jagħmlu ħsara ambjentali.
//= $special ?>