Internazzjonali

Iwissi li l-Ewropa hi fil-mira tal-ISIS

Rob Wainwright, il-kap tal-EUROPOL, l-aġenzija tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea, wissa li l-ISIS kienu rraffinaw il-kapaċità li jwettqu attakki madwar id-dinja u l-indikazzjonijiet huma li wara l-attakki ta’ Pariġi, l-Ewropa se tkun dejjem aktar fil-mira tal-grupp militanti Iżlamiku.
Wainwright qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet f’The Hague waqt l-inawgurazzjoni ta’ ċentru ġdid tal-EUROPOL għal kontra t-terroriżmu l-European Counter Terrorism Centre (ECTC).
Ir-rapport tal-EUROPOL wissa li l-ISIS qed ilesti aktar attakki fl-Ewropa bħal dawk li saru f’Pariġi fejn terroristi jinfirxu fit-toroq ta’ belt jisparaw bl-addoċċ. Hu qal ukoll li waħda mill-ikbar sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-pajjiżi tal-UE kienet dawk iċ-ċittadini li jkunu marru jiġġieldu mal-ISIS u li issa kienu qed jirritornaw lura pajjiżhom.
Ir-rapport tal-EUROPOL sab ukoll li m’hemm xejn li jindika li membri tal-ISIS qed japprofittaw mill-ammont kbir ta’ immigranti li qed jidħlu fl-UE. Anzi qal ir-rapport li l-akbar periklu kien li dawk is-Sirjani li qed jaħarbu minn pajjiżhom jiġu sfurzati jirritornaw lura biex imbagħad jispiċċaw fil-mira tal-ISIS. Intqal ukoll li rigward l-immigranti li qed jidħlu fl-Ewropa, l-ikbar periklu kien li estremisti Iżlamiċi qed jinfiltraw iċ-ċentru ta’ kenn biex jippruvaw jindotrinaw lil dawk li jkun hemm.