Kummissarju għall-Anzjani b’konsultazzjoni bejn il-PM u l-Kap tal-Oppożizzjoni
Il-proposta tal-Oppożizzjoni biex il-ħatra tal-Kummissarju għall-Anzjani ssir b’konsultazzjoni mal-Kap tal-Opożizzjoni, kienet aċċettata mill-Gvern u issa daħlet fil-liġi li se twaqqaf il-Kummissarju għall-Anzani li l-Parlament approva llejla mill-istadji kollha bi qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni.
Din il-liġi għaddiet mill-Parlament u ġiet approvata mit-Tielet Qari wara li tressqet mis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, u ġiet sekondata mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà.
L-Oppożizzjoni ressqet il-proposta li l-ħatra tal-persuna li tidħol fil-kariga ta’ Kummissarju fil-Parlament issir b’konsultazzjoni bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni f’Lulju tas-sena l-oħra, meta l-Gvern ressaq l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kummissarju għall-Anzjani għad-dibattitu fil-Kamra tad-Deputati.
L-Abbozz ta’ Liġi kif kien tressaq mill-Gvern, u kif kienet spjegat is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruna, ma kienx jipproponi li l-ħatra trid issir b’konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda li nnomina tal-persuna kienet issir mill-Gvern u titressaq għall-approvazzjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, liema Kumitat Parlamentari hu mmexxi minn maġġoranza ta’ membri tal-Gvern.
L-Oppożizzjoni argumentat u appellat lill-Gvern biex il-liġi li twaqqaf il-Kummissarju għall-Anzjani tkun mill-bidu tajba u effettiva, u li tgħaddi wkoll messaġġ tajjeb u b’saħħtu lill-anzjani.
Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali, Paula Mifsud Bonnici, u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, appellaw fil-Parlament għal kunsens dwar din il-liġi biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Kummissarju għall-Anzjani li għandu jgawdi l-fiduċja tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-Oppożizzjoni saħqet li hu ferm aħjar f’demokrazija u għall-governanza tajba, li jkun hemm Kummissarju għall-Anzjani li jgawdi l-fiduċja tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Kien biss fl-aħħar żewġ laqgħat li saru matul dan ix-xahar tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet li kien qiegħed jiddiskuti fid-dettall l-Abbozz ta’ Liġi li jwaqqaf il-Kummissarju għall-Anzjani, li l-Oppożizzjoni għamlet l-aħħar appell lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana biex il-Gvern jilqa’ l-appell u l-proposta tal-Oppożizzjoni.
Fl-ewwel laqgħa, l-Oppożizzjoni talbet liċ-Chairman tal-Kumitat, id-Deputat Laburista Silvio Parnis, biex tiġi sospiża d-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari biex is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana tikkonsulta mal-Ministru dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni minħabba n-nuqqas ta’ qbil li kien hemm.
Wara li ġie sospiż il-Kumitat Parlamentari, f’laqgħa oħra li saret il-ġimgħa li għaddiet, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana infurmat lill-Oppożizzjoni li l-Gvern kien qiegħed jaċċetta l-emenda fil-liġi biex il-ħatra ta’ Kummissarju dwar l-Anzjani ssir b’konsultazzjoni bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-liġi li issa qed twaqqaf Kummissarju dwar l-Anzjani, hi żvilupp importanti wara li fil-leġiżlatura li għaddiet, Gvern Nazzjonalista kien waqqaf fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjani, Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali u l-Anzjani. Issa dawn iż-żewġ funzjonijiet se jkunu qed jitmexxew minn Kummissarji differenti.
Ħatra għal tliet snin
Il-Kummissarju għall-Anzjani għandu s-setgħa li jippromwovi u jissalvagwardja l-interessi tal-anzjani, u jinvestiga kwalunkwe allegat ksur jew ksur potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem tal-anzjani.
Il-Kummissarju għall-Anzjani jinħatar għal żmien tliet snin u għandu jkun eliġibbli biex jerġa’ jinħatar mill-ġdid meta jiskadi dak iż-żmien tal-kariga.
//= $special ?>