Għadha f’qagħda kritika Marthese Zarb, infermiera ta’ 52 sena minn Pembroke, li s-Sibt li għadda kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq Sant Andrija f’San Ġiljan. Hi kienet passiġġier f’karozza ma’ żewġha, ta’ 53 sena, filwaqt li magħhom kien hemm ukoll binhom ta’ 18-il sena.
Il-karozza li kienu fiha, tat-tip Mazda 121, ħabtet ma’ karozza tat-tip Fiat Punto, misjuqa minn raġel ta’ 41 sena minn Ħaż-Żabbar. Kawża tal-inċident, Marthese u binha kienu ċċertifikati li jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom u nżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
48 siegħa wara l-inċident, il-kundizzjoni ta’ saħħet iben Marthese qalbet għall-aħjar tant li fl-aħħar sigħat ikkomunika mal-infermiera. Madankollu, hu xorta għadu qed jinżamm fl-ITU għall-kura. Min-naħa l-oħra, ir-raġel ta’ Marthese kien operat u l-kundizzjoni tiegħu issa hi waħda stabbli.
Madankollu, mhux l-istess jista’ jingħad għal Marthese, li sfortunatament il-kundizzjoni tagħha għadha qed titqies bħala kritika. Sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li l-mara għadha mitlufa minn sensieha, hekk kif fl-inċident sofriet ukoll xi daqqiet fil-pulmun.
Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li ftit wara l-inċident, ir-raġel ta’ Marthese appella lill-qraba u ħbieb tal-koppja biex jagħtu d-demm, hekk kif kien mistenni li Marthese se jkollha bżonn ħafna demm fl-interventi mediċi li kellhom isirulha.
Fortunatament jidher li l-appell intlaqa’ sew, hekk kif kienu ħafna dawk qrib Marthese u l-familja tagħha li marru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm biex jagħtu pinta demm. Dan l-appell għadu fis-seħħ, b’dawk li huma interessati u huma f’saħħithom għandhom imorru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm (fil-ġenb tal-Isptar San Luqa) u jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.
//= $special ?>

