Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Iskandlu Gaffarena wera biċ-ċar li l-Gvern ta’ Joseph Muscat hu wieħed korrott u bla skrupli … bil-Prim Ministru Muscat jiftah kawża ta’ korruzzjoni kontrih stess. Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Jason Azzopardi qal li dak li qed jagħmel issa l-Prim Ministru hu ftit wisq tard wisq għax Muscat messu ħa azzjoni tmien xhur ilu u aġixxa fl-interessi tat-taxpayer. Kompla jispjega kif ir-raġuni li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tgħid li issa hu tard wisq ftit wisq hu għax minn meta ħareġ dan l-Iskandlu, f’Mejju tas-sena li għaddiet, Gaffarena kellu ċ-ċans kollu jgħaddi l-artijiet lil terzi persuni.
Ix-Shadow Minister fakkar f’dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li l-kawża li l-Prim Ministru fetaħ fil-Qorti hi magħmula b’mod biex tintilef, filwaqt li staqsa għaliex il-kawża nfetħet mill-Avukat Ġenerali.
Jason Azzopardi, li kien akkumpanjat mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Charlot Cassar, temm jgħid li kieku Muscat kellu intenzjoni li jimxi b’good governance, kien jimxi b’mod konsisteni f’kull skandlu li seħħ fl-aħħar sentejn u nofs, minflok ma jieħu azzjoni għax kien sfurzat minħabba r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Iskandlu Gaffarena.
//= $special ?>

