Lokali

Żewġ Pulizija aggrediti minn barrani li ried jidħol fi stabbiliment tad-divertiment b’sigarett

Arkivji

Żewġ Pulizija sfaw aggrediti minn raġel barrani li kmieni dalgħodu ma tħalliex jidħol fi stabbiliment f’Paceville għax kien qed ipejjep. Fl-aggressjoni, il-barrani fera ħafif lil Kuntistabbli, filwaqt li mbotta lil Surġent.

Kollox seħħ għall-ħabta tat-3.30am meta l-barrani, residenti Franza, ried jidħol fi stabbiliment tad-divertiment fi Triq San Ġorġ. Minħabba li kellu sigarett f’idu, il-Kuntistabbli waqqaf lill-barrani milli jidħol. Madankollu, hu baqa’ jirresisti għall-ordnijiet tal-Pulizija, tant li ta daqqa ta’ ponn lill-Kuntistabbli.

Fid-daqqa, il-Kuntistabbli ntlaqat f’wiċċu, iżda fortunatament qed isofri biss minn feriti ħfief. Barra minhekk, waqt ir-reżistenza tiegħu, hu mbotta wkoll diversi persuni li kienu barra l-istabbiliment, fosthom lil Surġent tal-Pulizija li kien fil-post. Madankollu, fortunatament, dan ma weġġax għax xi ħadd qabdu fil-ħin.

Il-barrani kien arrestat u ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar interrogazzjonijiet. Hu mifhum li dan mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.