Lokali Unjoni Ewropea

Comodini Cachia titkellem dwar in-nuqqas ta’ mobilità li qed jiffaċċjaw l-istudenti tal-MCAST

Therese Comodini Cachia flimkien ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussel tkellmet dwar in-nuqqas ta’ mobilta’ u dwar l-ostakli li qed jiffaċċjaw l-istudenti tal-MCAST.

Hija qalet li l-isfida ewlenija li qed issibu quddiem wiċċhom l-istudenti tal-VET (Vocational education and training) huwa li bħalissa fil-kuleġġ tagħhom qed ikun hemm biss opportunitajiet ta’ xogħol għall-esperjenza f’kumpaniji barra minn Malta.

“F’Malta ma nistgħux nitkellmu dwar il-mobilità reġjonali, nistgħu biss nitkellmu dwar mobilità minn pajjiż għall-pajjiż u hemm diversi studenti li jridu jipparteċipaw fi programmi ta’ mobilità iżda l-opportunitajiet huma ftit li xejn. Fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) għadhom sal-lum isibuha diffiċli ħafna biex l-istudenti jieħdu sehem fi programmi ta’ mobbiltà anke jekk il- kulleġġ illum il-ġurnata diġa joħloq opportunitajiet bħal dawn taħt il-programm tal-Erasmus”

L-MPE Therese Comodini Cachia saħqet dawn ir-rimarki waqt il-laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) flimkien mal-Kumitat tal-Impjiegi (EMPL) bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.

Comodini Cachia qalet li l-mobilta’ u t-taħriġ wrew il-potenzjal tagħhom għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u anke għall-impjegabbiltà. Madanakollu, hija saħqet li baqa’ ħafna sfidi biex jintħlaħaq il-potenzjal kollu ta’ dan.

Hija enfasizzat li l-mobilità fil-VET tipprovdi ħiliet kbar fosthom ħiliet lingwistiċi, u kif ukoll innovazzjoni għall-mobilità ta’ xogħol. Comodini Cachia qalet li mhux minnhu li l-VET qiegħed hemm għal dawk li jfallu xi eżamijiet filwaqt li wriet id-dispjaċier tagħha li ħafna jaħsbu dan.

L-MPE ddiskutiet ukoll ma’ dawk kollha preżenti dwar il-possibilta’ li l-programm tal-Erasmus jikber u dan jista’ jiġri wkoll jekk ikun hemm ħidma konġunta mal-VET.

Comodini Cachia qalet li fiż-żminijiet tal-lum il-mobilta’ saret parti kruċjali fil-formazzjoni tal-istudenti u li issa Malta trid tikkunsidra li ttejjeb dawn l-opportunitajiet permezz tal-politika nazzjonali u li tisfrutta ir-riżorsi li hija għandha.