Lokali

Crew ta’ “Le Iene” jiżgiċċa lis-sigurtà u jispiċċa fil-bini tal-Parlament Malti

Fil-jiem li għaddew kien żvelat li crew televiżiv mill-programm “Le Iene” ta’ Italia Uno dan l-aħħar kien f’Malta biex jinvestiga l-istorja dwar pagamenti li l-Gvern Malti jidher li għadu ma ħallasx lil kumpanija Taljana involuta fil-bini tal-Parlament il-ġdid fid-daħla tal-Belt. Il-mira preċiża tal-crew, immexxi minn Filippo Roma, jidher li kienet li jitkellem direttament mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Madankollu, dak li ma ħariġx s’issa, u li kien żvelat mill-ġurnal In-Nazzjon, hu l-fatt li meta l-membri tal-crew Taljan kienu għadhom f’Malta minħabba li qattgħu ftit jiem mhux ħażin f’pajjiżna, jidher li rnexxielhom jidħlu fil-binja tal-Parlament u jaqbżu s-sigurtà mingħajr ħadd ma jintebaħ.

F’dan l-attentat, li sar l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet, il-ġurnalisti ta’ “Le Iene” marru quddiem il-Parlament, fejn anke bdew jagħmlu d-domandi tagħhom lill-Membri Parlamentari li kienu deħlin għas-seduta.

Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li l-crew Taljan beda anke jitlob biex jara l-mobiles lid-Deputati u waqt li jikkonfiskawhomlhom b’ċajta, bdew jgħidulhom li se jżommuhom biex jitħallas parti mid-dejn li Malta għandha mal-kumpanija Taljana li ssupplixxiet il-ġebel għall-Parlament.

F’xi stadju, jidher li l-crew ta’ Italia Uno daħal fil-bini u spiċċa fil-lift. In-Nazzjon irrapporta li kien biss f’dan il-ħin li l-membri tas-sigurtà tal-Parlament indunaw b’dak li kien ġara, intervjenew minnufih u l-crew twaqqaf hekk kif ħareġ minn wieħed mil-lifts qabel ma tkeċċa ‘l barra mill-bini tal-Parlament.

Is-sorsi qalu lil In-Nazzjon li d-deċiżjoni li jintbagħat crew ta’ “Le Iene” f’Malta, biex jagħmel id-domandi fuq din l-istorja, ittieħdet wara li l-kumpanija Taljana li tat is-servizzi tagħha lill-Gvern Malti u li għadha ma tħallsitx tax-xogħol li għamlet tilfet il-paċenzja u kkuntattjat lid-direzzjoni tal-programm biex tagħtiha l-istorja. Min-naħa tagħhom, il-producers mill-ewwel qablu li jibagħtu lill-ġurnalisti tagħhom f’pajjiżna biex jinvestigaw.

Jidher li l-iskop prinċipali kien li l-crew jikkonfronta lill-Prim Ministru Joseph Muscat u jistaqsih dwar il-ħlas għall-ġebel tal-Parlament. Skont rapporti li diġà ħarġu fil-media lokali, l-iskop irnexxa tant li dakinhar ta’ serata gala organizzata minn “The Economist”, il-crew ta’ “Le Iene” stenna lill-Prim Ministru dieħel u avviċinah biex jagħmillu d-domandi.

Min-naħa tiegħu, skont l-istess rapporti, il-Prim Ministru wieġeb li l-Gvern Malti kien ħallas lil dawk il-kumpaniji Taljani li għamlu x-xogħol tagħhom sew. Madankollu, fejn kien għad hemm xi dubji u l-Gvern ma kienx sodisfatt bix-xogħol, il-pagamenti baqgħu mhux awtorizzati. Qal li kellha ssir laqgħa oħra mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir dwar dan il-każ.

Jidher li Muscat kien mistoqsi wkoll jekk il-binja tal-Parlament togħġbux, bil-Prim Ministru jwieġeb li jħoss li mhu ħadd biex jikkritika lil Renzo Piano u ladarba dan ix-xogħol arkitettoniku jinsab f’Malta, allura jfaħħru. Madankollu, kompla li kieku kien għalih, il-flus li ntefqu fuq dan il-proġett kien jużahom b’mod differenti.