Lokali Parlament

It-€3.4 miljun aktar lil Gaffarena: konferma ta’ kemm il-Gvern ta’ Muscat mhux jagħti kas tal-valur ta’ flus il-poplu

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Il-fatt li nkixef fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li l-Gvern akkwista proprjetà li tiswa €900,000 u Gaffarena ħa għalih f’cash u proprjetà f’aktar minn €3.4 miljun – kważi erba’ darbiet aktar, hu konferma tal-mod xejn serju kif il-Gvern qed jieħu ħsieb il-valur tal-flus.

Dan iddikjarah il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco, meta llejla fil-Parlament tkellem fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri tal-Baġit 2016.

Mario de Marco fisser li skont l-Awditur Ġenerali fid-deals li saru ma’ Gaffarena, l-artijiet ukoll ġew stmati baxxi ħafna bid-differenza tkun ta’ €1.7 miljun bejn il-valutazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet u dawk tal-Awditur Ġenerali.

L-Oppożizzjoni bi 300 proposta lill-Gvern fi tliet dokumenti
Dwar l-Abbozz ta’ Liġi biex jimplimenta l-miżuri tal-Baġit, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni qal li filwaqt li l-Gvern jieħu din l-opportunità fil-Parlament biex jitkellem dwar kif l-ekonomija miexja tajjeb, il-fatti juru mod ieħor.

Spjega wkoll li l-Oppożizzjoni wkoll li qed toħroġ bi proposti kif għamlet fid-dokument ta’ qabel il-Baġit fejn tat l-analiżi ekonomika u finanzjarja tagħna bi proposti għal miżuri dwar kif il-Gvern għandu jindirizza l-baġit tal-pajjiż.

Ippreżentat ukoll dokument dwar l-ekonomija b’miri u proposti għall-ekonomija ta’ għada, u aktar minn mitt proposta biex jgħin fil-governanza tajba f’perjodu li fih il-poplu qed jitlef il-fuduċja fil-politiċi u fil-partiti politiċi. Dan biex, bħala nazzjon nindirizzaw il-kriżi li jinsab fiha l-Gvern f’dik li hi governanza ta’ pajjiżna.

Mario de Marco qal li f’dawn it-tliet dokumenti hemm aktar minn 300 proposta, li l-Oppożizzjoni trid li l-Gvern jilqagħhom għal Malta aħjar.

Ikkritika li qatt ma sema’ membru tal-Gvern jgħid xi ħaġa pożittiva fuq xi waħda mit-300 proposta, iżda kritika mill-Ministru tal-finanzi ntiża mhux li tibni fuq il-proposti tal-Oppożizzjoni iżda bi kritika negattiva minn partit fil-gvern li meta kien fl-Oppożizzjoni qatt ma ħareġ dokumenti bi proposta.

Filwaqt li fisser li d-dokumenti li ppubblikat juru li l-Oppożizzjoni ma kinitx dejjem kritika, u li titkellem ukoll bl-istess vuċi tal-Gvern fuq is-setturi tat-turiżmu u tas-servizzi finanzjarji, saħaq li rridu nirrikonoxxu li hemm setturi li mhux sejrin daqstant tajjeb, bħall-isfidi fil-manifattura.

Semma li dan hu Gvern li qed jitkellem fuq statistiċi u ċifri bħalli kieku n-nies saru figuri u statistika.

Il-waqa’ fil-prezz taż-żejt issarrfet fi spiża anqas għall-Gozo Channel
Semma l-istqarrija tal-Gozo Channel dwar kif dawret telf fi profit, u rrimarka li dak ma ntqalx fl-istqarrija hu li l-prezz taż-żejt waqa’ u naqqas bil-kbir l-ispiża tal-Gozo Channel.

Il-Gvern żied is-settur pubbliku b’2,500 impjieg
L-istess l-istatistika dwar it-tnaqqis fin-nies bla xogħol, bil-Gvern fl-istqarrija ma jgħidx x’qiegħed iwassal għal dan it-tnaqqis għaliex filwaqt li tingħata l-impresjosni li t-tnaqqis hu kollu miż-żieda fis-settur privat, ir-realtà hi li n-nies fis-settur pubbliku żdiedu b’aktar minn 2,500 ruħ.

1,335 persuna tneħħew mir-reġistru tal-qgħad
Ma qalx lanqas li 1,335 persuna tneħħew mir-reġistru tal-qgħad minkejja li ma nstabilhomx impjieg. Ma qalx lanqas li kien hemm mijiet li tneħħew mir-reġistru u tpoġġew fuq skemi temporanji tal-ETC għal perjodu definit.

Ma qalx lanqas li dawk li qed isibu x-xogħol qed jaħdmu b’pagi baxxi. Lanqas dwar kemm dawk li qed isibu x-xogħol huma Maltin għaliex nofs l-impjiegi ġodda qed jeħduhom il-barranin.

Ma qalx ukoll li hawn industriji fejn il-paga medja tonqos u mhux qiegħda tiżdied.

Mario de Marco qal li wara dawn iċ-ċifri hemm nies, ħaddiema u familji li filwaqt li jisimgħu lill-Gevrn jgħid kemm qed tikber l-ekonomija, huma qed jibqagħlhom inqas flus fil-but u l-pagi huma aktar baxxi. Semma li s-surveys tal-MaltaToday juru wkoll li hawn preokkupazzjoni dwar in-nuqqas ta’ paga tajba u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Staqsa jekk dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ tal-Malta Today, għall-Gvern humiex ukoll negattivi bħall-Oppożzzjoni.

Żieda straordinarja ta’ 29% fuq in-nefqa tal-Gvern
Tkellem ukoll dwar iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern, u qal li l-ispiża skont l-estimi f’Ottubru tilħaq it-€3.2 biljun – żieda sostanzjali ta’ 29% fuq l-ispiża rikorrenti tal-2012. F’temp ta’ erba’ snin in-nefqa tkun żdiedet bi kważi terz.

Dwar l-argument tal-Gvern li dan qed jiġri għax żdied id-dħul tal-Gvern, Mario de Marco staqsa jekk din iż-żieda straordinarja saritx fl-interess pubbliku, u jekk iċ-ċittadin hux qed jieħu l-valur ta’ din in-nefqa qawwija.

L-IMF twissi lill-Gvern
Appella lill-Gvern irażżan l-ispiża tiegħu anke fil-kuntest tar-rapport ippubblikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), li qed jgħid li l-ekonomija dinjija jista’ jkollha diffikultajiet quddiem swieq internazzjonali bi problema, bit-tkabbir tal-ekonomija Ċinizżi li mhux jikber b’kemm hu mistenni, bis-sitwazzjoni tal-prezz taż-żejt u bit-theddida tat-terroriżmu dinji li kollha jistgħu jaffettwat l-ekonomija dinjija.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni kkwota mir-rapport tal-IMF u t-twissijiet li għamel lill-Gvern Malti. Talab lill-Gvern jispjega u jirreaġixxi fuq it-twissija biex jassigura li meta jinnegozja l-pagi tas-settur pubbliku dawn m’għandhomx jiżdiedu aktar mill-inflazzjoni.

Ikkritika lill-Gvern li l-Ministru tal-Finanzi ma tkellimx fuq dawn it-twissijiet tal-IMF, bil-Gvern jidher li mhux se jiċċaqlaq u mhux se jindirizza t-tħasisb tal-IMF fuq in-nefqa fl-ispiża tal-Gvern.

Maro de Marco spjega li t-tkabbir fil-Prodott Gross Domestiku għandu jiġi mis-settur privat u mhux daqstant mis-settur pubbliku għaliex li tiżdied in-nefqa pubblika. Fisser li la darba pajjiżna mhux fi kriżi ekonomika, m’għandux il-Gvern iżid l-ispiża biex idawwar ir-rota ekonomika.

It-tħassib fuq il-pagi baxxi żdied b’7% u t-tħassib fuq l-għoli tal-ħajja żdied b’6%
Semma li ż-żieda fil-pagi hi aktar fis-settur pubbliku milli fis-settur privat, bl-eċċezzjoni għas-settur finanzjarju. Fl-aħħar tliet xhur ukoll, it-tħassib fuq il-pagi baxxi żdied b’7% u t-tħassib fuq l-għoli tal-ħajja żdied b’6%.

Ikkritika wkoll lill-Gvern li nefaq €90 miljun aktar f’pagi mill-istima li għamel, u li dan ifisser li l-Gvern qed jimpjega aktar milli dak maħsub, b’nuqqas ta’ kontroll fuq il-finanzi tar-riżorsi pubbliċi.